Friday, December 27, 2024

Inizjattiva bejn Parks Malta u Puttinu Cares twassal għat-tħawwil ta’ 1,600 siġra

Aqra wkoll

Il-memorja ta’ pazjenti li tilfu l-ġlieda kontra l-kanċer ingħatat il-ħajja permezz ta’ inizjattiva bejn Puttinu Cares u Parks Malta, li għal kull donazzjoni ta’ €300 jew aktar mill-pubbliku għal Puttinu, Parks Malta ħawlet siġra jew arbuxell. It-total ta’ siġar imħawla fil-Mosta u f’Birżebbuġa hu ta’ 1,600, b’investiment ta’ madwar €35,000 minn fondi ta’ Parks Malta. Is-siġar tqassmu fil-Mosta u f’Birżebbuġa, f’żewġ spazji miftuħa fejn il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża qed jirriġenera spazji miftuħa għall-familji.

Fil-Mosta, is-siġar ġodda se jsebbħu żona mitluqa (magħrufa bħala Ta’ Millbrae) biswit Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, li qed tiġi riġenerata fi spazju għall-picnics. F’Birżebbuġa, is-siġar u l-arbuxelli ġodda se jingħaqdu mal-proġett tal-gvern li jittrasforma żona kbira f’Birżebbuġa f’wieħed mill-akbar parks għall-familja f’Malta. Kull siġra se jkollha tabella li tfakkar il-persuna jew l-organizzazzjoni li tkun għamlet id-donazzjoni, jew xi persuni għeżież għalihom, speċjalment dawk li jkunu għaddew mill-marda tal-kanċer. Id-dettalji għal kull siġra nġabru fix-xhur li għaddew, hekk kif Parks Malta bdiet it-tħejjijiet għat-tħawwil. Il-benefatturi se jkunu jistgħu jaraw il-progress tas-siġar tagħhom b’mod virtwali, b’sistema ta’ geo-tagging.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli sellmet il-memorja ta’ Dr Victor Calvagna, li kien imexxi l-ħidma ta’ Puttinu. L-ewwel siġra fil-picnic area ġdida fil-Mosta tħawlet b’memorja għal Dr Calvagna, meta tħabbret din l-inizjattiva f’April li għadda. “Kemm hu sabiħ li naraw is-settur pubbliku u l-volontarjat jaħdmu flimkien għal għanijiet daqstant nobbli, bħalma hija l-għajnuna imprezzabbli li Puttinu Cares tagħti lill-pazjenti fl-aktar mumenti diffiċli tal-ħajja”, qalet il-Ministru Dalli. “Fl-istess waqt, Parks Malta rat kif tkompli tħajjar lill-pubbliku jgħin lil Puttinu, billi żewġet l-impenn soċjali ma’ dak ambjentali. Dawk li taw donazzjoni lil Puttinu mhux biss għenu lil persuni fil-bżonn, iżda taw is-sehem tagħhom għal ambjent aħjar”, irrimarkat il-Ministru Miriam Dalli. Il-Ministru Dalli ħeġġet lill-pubbliku jkompli jkun ġeneruż ma’ din l-għaqda volontarja, speċjalment fi żmien il-Milied.

Id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard, saħaq dwar l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawn. “L-għan ta’ Parks Malta huwa li nkomplu naħdmu u nikkollaboraw f’inizjattivi bħal dawn biex b’hekk nipprovdu ambjent aħjar għas-soċjetà tagħna”, qal is-Sur Attard. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Puttinu Cares, Rennie Zerafa, esprima sodisfazzjon għall-koperazzjoni li l-għaqda sabet minn naħa ta’ Parks Malta, biex il-pubbliku li jagħmel donazzjoni jkollu siġra li tissimbolizza l-ħajja ta’ xi ħadd għażiż. Dan filwaqt li l-ambjent ikompli jissebbaħ. Il-familja ta’ Dr Victor Calvagna u l-Kunsill Lokali tal-Mosta attendew għat-tħawwil tas-siġar.

Ekonomija

Sport