Saturday, November 23, 2024

Inizjattiva ġdida b’għoti ta’ kotba lit-tfal ta’ kull eta fi djar residenzjali tat-tfal

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ngħaqdu flimkien sabiex jgħammru d-djar residenzjali tat-tfal b’għażla sabiħa ta’ kotba tal-qari bil-Malti u bl-Ingliż permezz tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Dan se jsir bil-għan li dawn id-djar ikabbru jew jarmaw librerija ta’ kotba għat-tfal u ż-żgħażagħ li jagħmlu użu mis-servizzi tagħhom. Din l-inizjattiva bl-isem ‘Il-Kotba huma l-ikbar ħbieb tiegħek’ se tkun offruta lil 18-il dar residenzjali u minnha se jgawdu ’l fuq minn 200 tifel u tifla, żagħżugħ u żagħżugħa. Id-djar se jingħataw għażla ta’ kotba bil-Malti u bl-Ingliż, attraenti u tal-aqwa kwalità, ta’ ġeneri differenti, kemm fattwali kif ukoll fittizji.

Waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva, il-Ministru Owen Bonniċi qal: “Aħna bħala Gvern dejjem konna kommessi li nenfasizzaw fuq l-importanza li t-tfal u żgħażagħ jinnamraw mal-qari, aktar u aktar f’dan iż-żmien ta’ sfida. Il-qari jeħodna f’dinjiet fantastiċi mimlija avventuri u ħolm, waqt li jservina bħala bażi b’saħħitha fil-kamp edukattiv.”

Huwa qal li illum se jiġu preżentati iktar minn mija u għaxar kotba lil Dar San Ġużepp.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qassmu kotba lil tfal f’Dar San Ġużepp, Santa Venera

Il-Ministru Michael Falzon stqarr illi iktar minn qatt qabel toħroġ l-importanza tal-litteriżmu minn etajiet żgħar filwaqt li spjega illi tfal vulnerabbli għandhom igawdu mill-istess riżorsi li jgawdu tfal oħra. Il-Ministru Michael Falzon qal li l-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli biex jagħti l-istess opportunitajiet lil kulħadd, u li qed ikompli jaġġorna l-politika tiegħu f’dan il-qasam.

Intant bħalissa għaddejja ħidma leġislattiva sabiex tibda topera l-ewwel Children’s house f’pajjiżna. Permezz ta’ din il-bidla, it-tfal kollha se jevitaw li jixhdu l-Qorti jew jgħinu f’xi każijiet, hekk kif din l-esperjenza setgħet tħalli effetti negattivi fuqhom.

Din hija waħda mill-bidliet li se ġġib magħha l-liġi għall-protezzjoni tat-tfal, li għalkemm għadha ma daħlitx fis-seħħ, id-dar diġa’ sabet postha f’Santa Venera.

‘Il-Kotba huma l-ikbar ħbieb tiegħek’ hija inizjattiva oħra tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, li flimkien mal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ingħaqdet għal għan komuni biex titkompla tixxerred l-imħabba lejn il-kotba u tħeġġeġ il-qari fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

L-Aġenzija diġà qassmet 100 ktieb lil kull klassi mill-ewwel sas-sitt sena tal-iskejjel primarji tal-istat, forniet librerija mobbli fis-swali Rainbow, Wonderland u Disneyland tal-Isptar Mater Dei u ma’  diversi kunsilli lokali armat 12-il librerija f’ġonna pubbliċi.

Sport