Sunday, November 24, 2024

Inizjattiva innovattiva favur aktar inklużjoni fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar nieda proġett ġdid għal aktar inklużjoni fil-lokalità. Dan il-proġett jikkonsisti f’tabelli tal-lingwa tas-sinjali, bil-għan li titjib il-komunikazzjoni bejn persuni neqsin mis-smigħ u l-pubbliku. Dawn it-tabelli jinkludu l-alfabett tal-lingwa tas-sinjali bil-Malti u kif ukoll sinjali relatati mal-post fejn ġew imwaħħla dawn it-tabelli. S’issa ġew imwaħħla tabelli f’ħames postijiet differenti, dawn jinkludu ċ-ċentru tas-saħħa, dog park, grawnd tal-futbol, bandli u fl-iskejjel ta’ Ħaż Żabbar.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret din l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar u qalet li dan il-proġett jirrappreżenta pass sinifikanti fl-impenn tal-kunsilli lokali sabiex joħolqu lokalitajiet aktar inklussivi għar-residenti.

“Billi nintegraw il-lingwa tas-sinjali fl-ispazji pubbliċi tagħna, qed inkissru l-ostakli tal-komunikazzjoni u nippromwovu kultura aktar inklussiva u ta’ rispett. Għaldaqstant, inħeġġeġ kunsilli lokali oħra sabiex jimplimentaw aktar proġetti ta’ dan it-tip fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Sindku ta’ Ħaż Żabbar Jorge Grech qal li fil-ġimgħat li ġejjin ser jitwaħħlu wkoll tabelli żgħar f’kull klassi fl-iskejjel primarji ta’ Ħaż-Żabbar. Huwa rringrazzja liż-Żabbar Community Services, Għaqda Żgħażagħ Neqsin mis-Smigħ Malta, Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ u lill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għall-kollaborazzjoni tagħhom favur dan il-proġett.

Għat-tnedija ta’ dan il-proġett kien hemm preżenti wkoll  membri mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar.

Sport