Il-Programm ta’ Appoġġ BlueMissionMed, li għandu l-għan li jindirizza u jelimina t-tniġġis tal-baħar u tal-ilmijiet tagħna, tnieda uffiċjalment waqt workshop nazzjonali “Mind the Gap – Transforming Challenges into Opportunities for Cleaner Mediterranean Waters” organizzat minn Xjenza Malta. Din l-inizjattiva saret b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u l-proġett RHE-MEDiation.
L-attività serviet bħala pjattaforma ta’ diskussjoni dwar l-isfidi ambjentali li qed jiffaċċja l-baħar Mediterran u dwar kif dawn jistgħu jinbidlu f’opportunitajiet innovattivi għal pajjiżna. Dan il-programm huwa allinjat mal-Objettiv 2 tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Restawr tal-Oċeani u tal-Ilmijiet Tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, waqt li indirizza lill-parteċipanti, enfasizza l-importanza li Malta tibqa’ fiċ-ċentru tal-innovazzjoni fir-reġjun. “Huwa biss bit-trawwim tal-innovazzjoni u tal-kollaborazzjoni li nistgħu nirrealizzaw bis-sħiħ il-potenzjal vast tar-riżorsi Mediterranji tagħna, filwaqt li niżguraw futur reżiljenti u prosperu għal kulħadd,” qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Il-workshop kien indirizzat ukoll mill-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Silvio Scerri, li saħaq fuq l-importanza li jitlaqqgħu flimkien l-istakeholders ewlenin. “Dan il-workshop jimmarka kollaborazzjoni kruċjali li tlaqqa’ flimkien l-ilħna ewlenin ta’ Malta fis-setturi tal-ilma biex jiffukaw fuq sfida komuni waħda, jiġifieri, li jitnaqqas it-tniġġis fl-ilmijiet tagħna,” qal is-Sur Scerri.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, William Spiteri Bailey, fakkar fil-ħtieġa li n-negozji jżommu standards ambjentali għoljin. “Ir-rimi xieraq tal-iskart – industrijali, kummerċjali jew muniċipali – mhuwiex biss kwistjoni ta’ konformità. Hija kwistjoni ta’ saħħa ambjentali u pubblika. Huwa essenzjali li nitbiegħdu minn approċċ frammentat u kompartimentalizzat. Neħtieġu kriterji u strateġiji speċifiċi għas-setturi – għax mhux l-iskart kollu huwa l-istess, u mhux in-negozji kollha jiffaċċjaw l-istess realtà,” qal William Spiteri Bailey.
Il-programm ġie uffiċjalment imniedi minn George Bugeja, Deputat Direttur tal-Unità għall-Internazzjonalizzazzjoni fi ħdan Xjenza Malta. Matul il-ġurnata, ingħataw ukoll diversi preżentazzjonijiet tekniċi, fosthom minn Miraine Rizzo mill-ERA, li tat spjegazzjoni dwar il-qagħda ambjentali attwali ta’ Malta u l-isfidi prinċipali.
Punt importanti tal-avveniment kien id-dimostrazzjoni ta’ teknoloġija avvanzata għall-irkupru tat-tniġġis kimiku bl-użu ta’ mikroalgi, żviluppata mill-Università ta’ Algarve flimkien mal-kumpanija Portugiża BLUEMATER – eżempju ċar tal-innovazzjoni transfruntiera li l-proġett BlueMissionMed għandu l-għan li jippromwovi fir-reġjun Mediterranju.
Il-workshop intemm b’diskussjoni mmexxija mill-Professur Alan Deidun, l-Ambaxxatur Malti għall-Oċeani, li serva wkoll bħala rapporteur. Dawn is-sejbiet se jikkontribwixxu għall-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali ta’ Malta u jappoġġaw il-miri usa’ tal-Unjoni Ewropea skont il-qafas tal-Mission Ocean.