Thursday, November 20, 2025

Inizjattivi ambjentali favur in-nies

Aqra wkoll

Il-Gvern ħa l-pass kuraġġuż li jċaħħad lilu nnifsu minn madwar biljun ewro biex minflok iwettaq żewġ proġetti ambjentali kbar bħalma huwa dak ta’ Manoel Island u issa tal-White Rocks, b’dan tal-aħħar ilu għal ħafna snin fi stat ta’ abbandun. Hawnhekk joħroġ ċar il-fatt li l-Gvern għażel l-ambjent fuq l-iżvilupp u se jagħti dawn iż-żewġ siti strateġiċi lura għat-tgawdija tal-poplu. 

Għalhekk dejjem sħaqna li ċertu kritika kienet inġusta u ma kellhiex issir. Dan ukoll fil-kuntest li f’ċertu drabi saret diskussjoni jew konsultazzjoni ma’ kull min huwa interessat fit-tħaris tal-ambjent. B’daqshekk ma rridux ngħidu li kollox miexi ħarir imma kien hemm sitwazzjonijiet fejn l-affarijiet setgħu saru aħjar. Bla dubju ħadd ma jista’ jmeri dan. Iżda rridu nirrikonoxxu t-tajjeb kollu li sar f’dan il-qasam. Għaliex filwaqt li hemm id-dritt tal-kritika fejn ma jsirx kif suppost, hemm ukoll l-obbligu li jiġi mfaħħar dak kollu li jkun sar tajjeb u kif suppost.

Għalkemm iż-żewġ proġetti msemmija huma ta’ portata kbira, ma rridux ninsew l-inizjattivi li qed jittieħdu biex isebbħu l-lokalitajiet fosthom bi spazji miftuħa ġodda u ħodor. Spazji li qed isiru b’mod li jintlaħqu mill-komunitajiet fi ftit minuti. 

L-ambjent mhuwiex biss iż-żieda fis-siġar u l-pjanti imma wkoll marbutin miegħu hemm skemi oħra bħalma hi l-Iskema Ixtri Proprjetà Sostenibbli, imnedija mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, bil-għan li tappoġġja lil dawk li jixtru proprjetajiet residenzjali effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Skema li għandha l-għan ukoll li tħeġġeġ prattiċi ta’ bini aktar ekoloġiċi madwar Malta u Għawdex. 

Ma rridux ninsew ukoll li f’dawn l-aħħar snin kien hemm inizjattivi oħra sinifikanti għal tnaqqis ta’ tniġġis u titjib fil-kwalità tal-arja, partikolarment fl-inħawi tal-portijiet. F’dan ir-rigward, sar investiment sostanzjali fejn għall-ewwel darba f’pajjiżna kien introdott is-shore-to-ship biex bastimenti jitfu l-magni waqt li jkunu sorġuti fil-port u ma jitfgħux dħaħen fl-arja. Snin ilu kien sar ukoll investiment qawwi fil-powerstation li minflok waħda taħdem bil-Heavy Fuel Oil, l-aktar fjuwil li jniġġes, inqalbet għal waħda li taħdem bil-gass.

Dawn kollha huma inizjattivi li ċertament kien jistħoqqilhom jiġu mfaħħra mhux biss għax jipproteġu l-ambjent naturali imma wkoll għaliex huma utli għall-ħarsien tas-saħħa tan-nies.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport