Sunday, December 22, 2024

Inkjesta b’rabta mal-mewt ta’ tifel possibbilment infettat bl-iStrep A f’Malta

Ġenituri mħassba anke minħabba nuqqas ta' antibijotiċi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-infezzjoni Strep A jidher li qiegħda tħasseb lil bosta familji madwar id-dinja minħabba li hija l-aktar kawża komuni ta’ uġigħ fil-griżmejn ikkawżat minn batterji fit-tfal. Fl-aħħar jiem din l-infezzjoni kompliet tiżdied fir-Renju Unit, biex fl-Ingilterra minn Settembru ‘l hawn huwa mifhum li ġew reġistrati mas-16-il fatalità fost it-tfal.

Minkejja dan, it-tħassib jinsab ukoll f’pajjiżna. Bosta kienu dawk li fl-aħħar jiem sabu diffikultà biex jixtru antibijotiċi tat-tfal minħabba li xi mediċini jinsabu out of stock anke f’pajjiżna. Intant Sorsi qrib Talk.mt ta’ min joqgħod fuqhom qalulna li l-awtoritajiet Maltin qegħdin jinvestigaw b’rabta mal-mewt ta’ tifel ta’ madwar sentejn li miet fl-aħħar jiem waqt li kellu sintomi ta’ din l-infezzjoni. Ninsabu infurmati li minkejja li l-ġenituri fittxew assistenza medika, binhom sofra minn deni inkontrollabbli u raxx f’ġismu wkoll. 

Mistoqsi minn dan is-sit dwar dan il-każ partikolari, il-Ministeru tas-Saħħa la ċaħad iżda lanqas ma kkonferma din l-informazzjoni. Madanakollu huwa żied jispjega li streptococcus Group A huma tip ta’ batterji li kultant jinstabu fil-gerżuma jew fuq il-ġilda. Strep A normalment jikkawża mard ħafif, bħal uġigħ fil-griżmejn u infezzjonijiet tal-ġilda. F’każi rari dawn il-batterji jistgħu jikkawżaw marda severa u ta’ theddida għall-ħajja msejħa Group A Streptococcal disease. 

Ħafna nies iġorru l-infezzjoni mingħajr ħsara u ma jiżviluppaw l-ebda mard. Madanakollu din l-infezzjoni tista’ tiġi mgħoddija minn persuna għal oħra b’kuntatt mill-qrib, bħal bews jew kuntatt mal-ġilda. Il-biċċa l-kbira tan-nies li jiġu f’kuntatt mal-infezzjoni jibqgħu tajjeb u mingħajr sintomi, filwaqt li xi wħud ikollhom infezzjonijiet ħfief fil-griżmejn jew fil-ġilda.

L-infezzjonijiet huma ġeneralment ikkontrollati b’antibijotiċi. F’każi rari ħafna l-infezzjoni tista’ tikkawża mard sever meta l-batterji jidħlu f’partijiet tal-ġisem li normalment ikunu ħielsa minn batterji bħalma huma l-pulmun, fid-demm jew fil-muskoli. Din tissejjaħ  invasive Group A Streptococcal disease.

Mistoqsi minn dan is-sit rigward jekk hemmx vaċċin għal din l-infezzjoni l-Ministeru tas-Saħħa qal li m’hemm l-ebda vaċċin speċifiku biex jipprevjeni infezzjonijiet batteriċi bħall-iStrep A. L-aħjar mod biex tgħin tipprevjeni t-tixrid tal-infezzjoni huwa billi taħsel b’mod regolari l-idejn u tgħatti ħalqek u mnieħrek meta tisgħol jew tagħtas. Nies li huma morda għandhom jibqgħu d-dar u jikkuntattjaw lit-tabib tagħhom għal parir.

Fittex parir mediku urġenti jekk:

  • It-tifel jew tifla jiggravaw
  • It-tifel jew tifla qed jieklu ħafna inqas min-normal
  • It-tifel jew tifla jkollhom ħrieqi nexfin għal 12-il siegħa jew aktar jew juru sinjali oħra ta’ nixfa
  • Jekk it-tarbija tiegħek għandha taħt it-3 xhur u għandha temperatura ta’ 38 grad, jew għandha aktar minn 3 xhur u għandha temperatura ta’ 39grad jew ogħla
  • Jekk it-tarbija tiegħek tħossha aktar sħuna mis-soltu meta tmiss daharha jew sidirha jew tħossha għarqana
  • Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek huma għajjenin ħafna jew irritabbli
Ekonomija

Sport