Thursday, October 31, 2024

Inkjesta b’rabta mal-qtil ta’ DCG: Jixhed ukoll l-eks-CEO tal-MFSA Joseph Cuschieri

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dalgħodu se tkompli l-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-ewwel xhud tal-lum huwa l-eks Ministru Konrad Mizzi li fl-aħħar sigaħt kkritika l-iskop tal-inkjesta u l-fatt li żewġ membri tal-Partit Nazzjonalista għandhom irwol ċentrali fiha. Kien qed jirreferi għall-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia li qed jirrappreżentaw lill-familja Caruana Galizia f’din l-istess inkjesta. 

Mizzi qal li ma jagħmilx sens li jixhed fl-inkjesta meta din ġiet politiċizzata, iżda l-Bord ċaħad ir-rikors tiegħu milli jixhed u ordnah jidher quddiemu dalgħodu. Mistenni jixhed ukoll l-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joseph Cuschieri.

9:30 a.m: L-ewwel xhud tal-lum, l-eks Ministru Konrad Mizzi li hu rappreżentat mill-eks Maġistrat Carol Peralta u mill-Avukat Jean Paul Sammut. Preżenti fl-awla hemm ukoll numru ta’ ġurnalisti kif ukoll il-qraba tal-vittma. Mizzi se jkun qiegħed jagħti x-xhieda tiegħu wara li fl-aħħar sgħat ra t-talba tar-rikors tiegħu miċħuda, bil-Bord tal-inkjesta joħroġ digriet li fih hu ġie ordnat jidher quddiem il-Qorti dalgħodu.

9:45 a.m: Konrad Mizzi jissejjaħ jieħu postu fuq il-pedina tax-xhieda. Il-Bord jibda bl-ewwel mistoqsijiet. Mistoqsi dwar ir-rikors, Mizzi jwieġeb li jkun aħjar jekk iwieġbu l-avukati, iżda l-Bord joġġezzjona. L-Imħallfin jagħmlu referenza għal dak li nkiteb minn Mizzi fl-aħħar sigħat fuq Facebook, liema kliem jista’ jagħti lok għal disprezz lejn il-Qorti. L-eks Maġistrat Peralta jgħid li l-klijent tiegħu Mizzi għandu dritt għal disclosure minħabba proċeduri li għaddejjin fil-konfront tiegħu. Min-naħa tiegħu l-Imħallef  Mallia jippretendi li jkun hemm xi forma ta’ apoloġija. Filwaqt li l-Imħallef Lofaro taqra mill-Facebook post ta’ Mizzi, dan tal-aħħar jispjega li  b'”Nazzjonalisti” kien qed jirreferi għal Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.

10:00 a.m: Mizzi jkompli jixhed u jgħid li “hemm barra” kulħadd jaf l-aġenda ta’ Azzopardi u Comodini Cachia li attakkawh fil-Parlament. L-Imħallef Lofaro tinsisti li fil-Facebook post tiegħu Mizzi kien qiegħed juri disprezz.

10:15 a.m: L-avukati ta’ Mizzi jgħidu li hu qiegħed bil-police bail fl-investigazzjoni tal-pulizija fuqu. Jgħidu li hemm tliet inkjesti pendenti fil-konfront tiegħu dwar il-ħidma tiegħu bħala Ministru.

Il-Bord iwissi lix-xhud li jekk iħoss li b’xi mod jista’ jinkrimina ruħu bit-tweġibiet li jagħti, għandu dritt ma jwiġibx għad-domandi. Minn hawn jibdew sensiela ta’ mistoqsijiet li għalihom Mizzi jwieġeb bil-kliem “nagħżel li ma nweġibx”.

Fost il-ħafna mistoqsijiet li Mizzi għażel li ma jweġibx kienu jitrattaw:

Il-bidu tal-karriera politika tiegħu,

l-involviment tiegħu fis-settur tal-enerġija,

jekk iltaqax ma’ membri tal-konsorzju tal-Electrogas qabel l-elezzjoni tal-2013,

Kif sar jaf lil Muscat u jekk kienx iżommu infurmat bl-andament tal-proġetti li kellu f’idejh,

Mistoqsijet b’rabta ma’ Panama Papers, 

Jekk kienx negozjant qabel daħal fil-politika,

Jekk jafx min hu Mario Pullicino, jekk għandux rabta ma’ MayorTrans Limited, fuq min huma l-azzjonisti jew l-Ultimate Beneficial Owners ta’ Macbridge,

Jekk bħala Ministru qattx siefer Dubaj u jekk għandux jew qattx kellu kont bankarju fil-pajjiż,

Jekk qattx iltaqa’ ma’ Ali Sadr u jekk qattx kellu kont bankarju f’Pilatus Bank,

Jekk il-Kabinett kienx talbu spjegazzjoni fuq il-Panama Papers u jekk kienx ħa passi kontra xi ġurnalisti jew Daphne Caruana Galizia minħabba r-rappurtaġġ fuq il-Panama Papers,

Dawk dwar Keith Schembri,

Jekk kienx parti mill-kitchen Cabinet ta’ l-eks PM Joseph Muscat,

Jekk kienx jaf lil Yorgen Fenech, Paul Apap Bologna u Mark Gasan,

L-iskop wara l-laqgħat li kellu f’Kastilja mal-allegat mandant fil-qtil ta’ DCG Yorgen Fenech,

Dwar jekk kienx involut fit-trasferiment minn Vitals Global Healthcare għal Steward.

Wara dawn kollha, il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino issa jgħid lil Mizzi li l-Bord qiegħed hawn appuntat mill-Gvern, u jistenna koperazzjoni biex tinħareġ il-verità. Iżid li l-Ministri kollha li xehdu f’din l-inkjesta taw l-impressjoni li ma jaħtux u saħansitra ppuntaw subgħajhom lejh u b’hekk dan u l-mument li hu seta’ jiċċara l-pożizzjoni tiegħu b’rabta ma’ dak li ġie allegat fuqu.

Ix-xhud min-naħa tiegħu iwieġeb li ladarba għad hemm inkjesti Maġisterjali pendenti dwaru, skont il-parir li ngħata mill-avukati, jkun aħjar jekk ma jweġibx.

11:00 a.m:  Mizzi jgħid li fil-Kabinett dejjem segwa d-direzzjoni tal-Prim Ministru, ikkonsulta miegħu fuq id-deċiżjonijiet il-kbar. Jgħid li huwa minnu li huwa kellu f’idu proġetti kbar, iżda kien ikun hemm esperti li jiddiskutu n-negozjati.

Ix-xhud ikkjarifika wkoll dwar deċiżjonijiet li la kienu tiegħu u lanqas tal-gvern u jiġbed l-attenzjoni li seta’ kien hemm min xehed b’mod żbaljat minħabba li ma jiftakarx. 

Intant huwa żied jgħid li hu dejjem ħadem fl-aħjar interess tal-pajjiż.

Wara din l-istqarrija tiegħu Mizzi jagħżel li jkompli jwieġeb “b’nagħżel li ma nweġibx” għal numru ta’ domandi oħrajn.

11:35 a.m: Mistoqsi x’kienet ir-reazzjoni tiegħu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ix-xhud jgħid li minkejja li kienet tikkritikah, xorta waħda kellu dispjaċir kbir meta mietet. Żied jgħid li minkejja li familtha rrabjata għalih, hu jixtieq li dawn jilqgħu l-kondoljanzi tiegħu. Mizzi jgħid ukoll li l-qtil tagħha affettwa x-xogħol tajjeb li kien qiegħed isir.

Mizzi jkompli jixhed. Jgħid li hu dakinhar tal-qtil kien imsiefer mal-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca li dak iż-żmien tant inħasdet li spiċċat ngħalqet fil-kamra tal-lukanda li kienu fiha. Mingħajr ma jippreġudika, huwa qal li anke l-Kummissarju qal li mhux magħruf il-motiv wara l-qtil u li hu iva kien ixxukkjat bl-aħbar anke minħabba l-fatt li hu kellu viżjoni ta’ trasformazzjoni għall-pajjiż.

Tintemm hawn ix-xhieda ta’  Konrad Mizzi.

Jixhed ukoll l-eks-CEO tal-MFSA Joseph Cuschieri

It-tieni xhud fis-seduta tal-Ġimgħa kien l-eks-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joseph Cuschieri li rriżenja mill-kariga matul din il-ġimgħa wara li kien issospenda lilu nnifsu b’rabta mas-safra li għamel ma’ Yorgen Fenech f’Las Vegas.

Cuschieri, li kellu jassistih lill-Avukat Charlon Gouder, qal li sar jaf lil Fenech meta kien Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tal-Gaming (MGA) peress li Tumas Group kellu żewġ casinos u liċenzji għall-‘online gaming’ u spjega kif ir-relazzjoni ta’ xogħol bejniethom inbidlet f’waħda ta’ ħbiberija u wara li ħalla l-MGA Fenech talbu jmur miegħu Las Vegas biex jattendu konferenza dwar dan is-settur u huwa aċċetta.

Huwa ammetta li dan il-każ ħoloq stress fih, fil-familja u fil-ħbieb tiegħu u sostna li meta issospenda lilu nnifsu spiċċa ma kellux x’jagħmel u qagħad jirrifletti waqt li iddeċieda li jirriżenja mill-MFSA irrispettivament mill-konklużjoni tal-inkjesta u issa rritorna fis-settur privat.

Cuschieri nsista li meta huwa u Fenech marru Las Vegas dan tal-aħħar ma kienx qed jiġi investigat mill-MFSA u dak iż-żmien ma ħassx li kien hemm xi kunflitt ta’ interess waqt li żied li fiż-żmien li dam jaħdem fiha ma kellux indħil mill-Gvern.

Sport