Saturday, November 2, 2024

Inkjesta fil-Belġju dwar jekk iċ-Ċina għamlitx spjunaġġ fuq l-UE mill-Ambaxxata Maltija fi Brussels

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Pulizija fil-Belġju qegħdin jinvestigaw allegazzjonijiet li ċ-Ċina setgħet għamlet spjunaġġ mill-Ambaxxata Maltija fi Brussels, li tinsab eżatt faċċata tal-kwartieri tal-Kummissjoni Ewropea. 

Dan ġie kkonfermat minn The Guardian, li rrapportat li kelliem għas-sigurtà interna Belġjana, il-Veiligheid van de Staat żvela b’mod mhux tas-soltu li hemm inkjesta għaddejja, wara li l-gazzetta Le Monde rrapportat dwar dan is-suspettat spjunaġġ mill-istat Ċiniż. 

Hu allegat li din l-investigazzjoni bdiet mis-servizzi tas-sigurtà Belġjani, wara li ngħatat informazzjoni minn aġenti Ingliżi dwar il-possibbiltà li ċ-Ċina qiegħda tuża l-ambaxxata Maltija bħala ċentru minn fejn tagħmel spjunaġġ fuq l-istituzzjonijiet Ewropej. 

Dawn l-allegazzjonijiet qegħdin jiffokaw fuq ftehim li kien sar mill-Gvern Malti fl-2006, fejn il-Gvern Ċiniż kien ta xi għamara lill-Gvern Malti għal din l-ambaxxata. Dan kollu ġie miċħud mill-Gvern Malti. 

Jingħad li l-awtoritajiet Belġjani kienu ilhom imħassbin li kien qed isir spjunaġġ minn dan il-bini. L-allegazzjonijiet segwew wara li l-prosekuturi Ġermaniżi nedew investigazzjoni dwar eks-diplomatiku tal-Unjoni Ewropea li hu suspettat li wettaq spjunaġġ għaċ-Ċiniżi. 

Minkejja li hemm interess fl-attivitajiet li qed isiru fl-ambaxxata Maltija, il-kelliem għall-Veiligheid van de Staat qal li s’issa m’ebda ebda provi li seħħ dan l-ispjunaġġ min-naħa taċ-Ċina. 

Fil-fatt, hu qal li ċ-Ċiniżi kienu involuti fil-proċess ta’ rinnovar ta’ Dar Malta fl-2007 u dan ġibdilhom l-attenzjoni. Madankollu, hu qal li ma kien hemm ebda evidenza li seħħ xi spjunaġġ miċ-Ċiniżi minn din il-binja. 

Il-Gvern Malti wkoll ċaħad dawn l-allegazzjonijiet, minkejja li kkonferma li fil-bini tpoġġiet xi għamara li ngħatat miċ-Ċina. Il-Gvern Malti ċċara wkoll li 80% tal-għamara tneħħiet fis-sentejn li għaddew u ġiet mibdula b’għamara mixtrija minn Malta. 

Sport