Inkjesta li saret dwar mewt ta’ omm waqt li kienet qed twelled ikkonkludiet li l-istaff ta’ Mater Dei ma wera l-ebda traskuraġni fil-kura li kien qiegħed joffrilha. Rapport fil-midja rrapportaw li hija mietet minħabba kundizzjoni medika.
Il-każ fit-12 ta’ Mejju ta’ din is-sena għall-ħabta tad-9.10pm meta l-Pulizija ġew informati li mara kienet tilfet ħajjitha waqt li kienet qiegħda twelled. Il-mara hija minn Sir Lanka u għandha 37 sena.
Hija kellha 39 ġimgħa tqala u waqt li l-istaff mediku kien qed jagħmillha testijiet mediċi ġie nnutat li kellha pressjoni għolja ħafna u t-tarbija ma kinitx qed tikber. Kien għalhekk li ġie deċiż li jwelldu lit-tarbija biex jiġu evitati kumplikazzjonijiet.
Waqt it-twelid l-omm kellha ħafna kumplikazzjonijiet u bdiet titlef ħafna demm. Dwar dan il-każ kienet infetħet inkjesta mill-Maġistrat Joe Mifsud li min-naħa tiegħu kien qabbad diversi esperti biex jaraw x’kura kienet qiegħda tingħata l-omm.
Ir-rapporti fil-midja qalu li l-inkjesta kkonkludiet li matul l-aħħar parti tat-tqala l-omm kienet tbati minn ‘pre-eclampsia’ fejn il-pressjoni għoli ħafna u għalhekk kien hemm bżonn tal-mediċina. Din hija kundizzjoni li taffettwa kemm lit-tarbija fil-ġuf kien ukoll lill-omm.
Fir-rapport tal-inkjesta ntqal li l-omm ingħata l-aħjar kura possibbli u li l-istaff mediku fl-Isptar Mater Dei mexa b’mod professjonali u għamel dak kollu li seta’ biex jipprova jsalvalha ħajjitha.