Sa kwart ta’ miljun tfal, minorenni, u adulti vulnerabbli sfaw vitma ta’ abbuż fiżiku u sesswali f’istituzzjonijiet tal-Knisja u tal-istat fi New Zealand. L-abbużi reġistrati huma mis-sittinijiet u jibqgħu sal-ewwel deċenju ta’ dan is-seklu. Dan jirriżulta minn inkjesta pubblika li kienet ippubblikata llum.
Rapport interim mill-Kummissjoni Rjali ta’ Inkjesta sabet li tfal, uħud minnhom ta’ disa’ xhur ta’ età, sofrew snin ta’ abbużi li jinkludu stupru u trattament b’xokkijiet elettriċi f’faċilitajiet psikjatriċi u ta’ kura statali, u minn gwardjani tagħhom li kienu jinkludu wkoll membri tal-kleru.
Ir-rapport jistma li sa 256,000 persuna sfaw abbużati, li jammontaw għal kważi 40% tas-655,000 persuna li kienu f’kura tul dak il-perjodu. Il-biċċa l-kbira tal-abbużi żvolġew tul is-snin sebgħin u tmenin.
Il-Ministru għas-Servizz Pubbliku Chris Hipkins qal li “l-uġigħ u s-sofferenza u t-tbatija kkawżati fl-istorja ta’ New Zealand m’hemmx skuża għalihom.”
“It-tfal kollha fil-kura tal-istat għandhom ikunu siguri minn kwalunkwe ħsara, iżda hekk kif x-xieda tindika kemm-il darba kien jiġri l-oppost ta’ dan.”
Ir-rapport jindika li l-biċċa l-kbira tal-vittmi sofrew abbużi meta kellhom bejn seba’ u 17-il sena. Ħafna minnhom kinu abbużati għal perjodu ta’ bejn ħamsa u 10 snin.