Sunday, November 24, 2024

Inkomplu l-ġlieda tagħna kontra l-abbużi tax-xogħol furzat

Jikteb JOSEF BUGEJA - Segretarju Ġenerali tal-GWU

Aqra wkoll

It-30 ta’ Lulju huwa l-Jum Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar tal-Persuni, ġurnata li sservi sabiex tqajjem kuxjenza fostna dwar il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u li tippromwovi s-salvagwardja tad-drittijiet tagħhom.

Huwa jum li fih it-trejd unjins ukoll iġeddu l-wegħda tagħhom sabiex jipproteġu lill-ħaddiema, irrispettivament minn min huma jew minn fejn ġejjin, kontra l-ħerba ta’ prattiki abbużivi u inġusti ta’ mpjieg, illegalitajiet li għandhom ukoll effett konsegwenzjali fuq in-negozji li jħarsu l-liġi, u l-impjegati tagħhom.

Il-General Workers’ Union dan l-aħħar kienet fuq quddiem nett f’diversi kampanji biex iġġib bidla leġiżlattiva li tipproteġi lill-ħaddiema minn prattiki abbużivi ta’ reklutaġġ jew ta’ impjieg. Konna fost l-ewwel li qajjimna l-problema ta’ ħaddiema b’kuntratt, impjegati minn aġenziji ta’ reklutaġġ, b’kundizzjonijiet ta’ pagi differenti u kundizzjonijiet diskriminatorji. Konna aħna li ħeġġiġna lill-gvern bil-ħtieġa immedjata li kull ħaddiem għandu jkun trattat b’mod ugwali, għax huwa l-valur tax-xogħol li jiddetta l-paga, mhux għal min int taħdem. Aħna nemmnu li dan huwa pedament tal-ġustizzja soċjali għall-ħaddiema kollha, għax id-disparità fil-pagi tnaqqas il-valur tal-kontribuzzjoni tal-ħaddiema u twassal għal soċjetà inugwali.

Xejn ma jista’ jkun eqreb tar-realtà Maltija mid-destin taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu u jaħdmu fostna, ħafna minnhom ġejjin mil-Indja fost pajjiżi oħrajn, li magħhom dan l-aħħar tkellimna dwar l-abbuż li jġarrbu minn dawk li jħaddmuhom bil-kontra ta’ dak li jkunu wiegħduhom.

Dawn il-ħaddiema barranin ikunu ġew imġiegħla jħallsu eluf ta’ ewro qabel ma jaslu Malta, u dan spiss iwassal biex il-familji tagħhom ikunu marbuta bid-dejn, fuq wegħda ta’ paga deċenti la jaslu Malta. Iżda ladarba jaslu hawn, ikollhom jaħdmu aktar sigħat milli meħtieġ biex jaqilgħu salarju ekwivalenti għal impjieg ta’ 40 siegħa xogħol – ‘Catch-22’ li tħallihom mingħajr għażla, sakemm ma jirriskjawx li jaħdmu b’mod irregolari u għalhekk jgħixu bir-riskju ta’ deportazzjoni.

Imdejjaq u rrabjat għal kull min jagħmel il-flus li jkunu mtebbgħa bid-demm u r-razziżmu: Malta għandha bżonnhom il-ħaddiema barranin, għax huma kontributuri għat-tkabbir ekonomiku tagħna, iżda ħadd m’għandu jieħu vantaġġ minn fuq daharhom.

Illum, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (IOL) tistma li kważi ta’ kuljum għandna 28 miljun persuna madwar id-dinja maqbuda f’xogħol furzat, negozju enormi li jiġġenera profitti annwali ta’ US$150 biljun – flus li l-gvernijiet kieku jonfqu għall-kura tas-saħħa u edukazzjoni, jew għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

Lilhinn mill-konsegwenzi individwali għall-vittmi, ix-xogħol furzat iġib miegħu spejjeż ekonomiċi u soċjali għalina lkoll: wara kollox din hija attività kriminali li timmina dawk in-negozji legali, li jkollhom jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta minn dawk li jaħsdu dawn il-profitti, u sabiex jibqgħu kompetittivi jkollhom inaqqsu l-pagi jew joffru inqas benefiċċji, minbarra r-realtà tad-dħul mit-taxxa mitluf għall-Istat.

Is-sors ta’ dawn il-profitti llegali nsibuhom f’serje ta’ ħlasijiet ta’ reklutaġġ illegali li jkollhom isofru dawn il-vittmi: ‘tariffi’ imposti jew mill-impjegaturi jew minn dawk li jirreklutaw b’mod abbużiv, mill-intermedjarji tal-ivvjaġġar li spiss ikunu moħbija, jew minn tixħim – b’kollox jiswielhom daqs 3.93 xhur paga imma hemm min ikollu jħallas anke aktar minn sena u nofs paga sabiex jifdi d-dejn.

Għalhekk aħna ċari meta nirrikonoxxu min huma l-vittmi meta l-ħaddiema barranin ma jkunux protetti bil-liġi jew ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, u meta l-prattiki ta’ reklutaġġ ikunu inġusti jew mhux etiċi. L-għib tagħna għandna nimmirawh lejn dawk li jagħmlu l-profitti abbużivi, mhux lejn il-ħaddiema.

It-trejdjunjiniżmu illum evolva f’xenarju li jinbidel skont id-dinamika tax-xogħol. Quddiem dawn il-prattiċi abbużivi kontra ħaddiema mhux protetti, il-GWU pproponiet pass trasformattiv ‘il quddiem: sħubija fi trejdjunjin għal kull ħaddiem irreġistrat f’Malta. Għax bħalissa, eluf ta’ ħaddiema qed jiġu mċaħħda mid-dritt bażiku tagħhom ta’ assoċjazzjoni, dritt li jista’ jipproteġihom mill-isfruttament u l-abbuż.

Vuċi kollettiva biss tista’ teqred l-abbuż sistemiku li bosta ħaddiema barranin jaffaċċjaw ta’ kuljum, u li tiżgura li kull wieħed minnhom se jiġi ttrattat b’mod ġust.

Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin hija ġlieda għall-ġustizzja, għad-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem. Bħala mexxejja tat-trejd unjins, irridu nkunu fuq quddiem nett ta’ din il-ġlieda, filwaqt li naħdmu bla heda biex noħolqu dinja fejn kull individwu jista’ jgħix ħieles mill-biża’ u l-isfruttament.

Sport