Saturday, November 16, 2024

Inkomplu ngħinu biex anke f’Għawdex ikun hemm iżjed proġetti li jassiguraw arja nadifa

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia qal li l-gvern qed ikompli jgħin permezz ta’ skemi li joffru għajnuna finanzjarja, kemm lil individwi, lill-għaqdiet volontarji u anke  lis-settur privat biex jinvestu f’arja aktar nadifa.  

Dan intqal waqt żjara mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fil-Każin tas-Soċjetà Filarmonika  La Stella fir-Rabat, Għawdex, fejn bħalissa qed jitqiegħdu 40 pannella tax-xemx fuq il-bejt u permezz  tal-iskema tal-feed-in tariffs, se jkunu qed jibbenefikaw minn tariffi orħos tad-dawl. 

Il-Ministru Michael Farrugia qal li kulħadd jaf kemm l-għaqdiet volontarji għandhom piżijiet  finanzjarji, u faħħar lis-Soċjetà li qed tagħmel dan l-investiment li minnu jgawdu l-membri tagħha  iżda wkoll qed tikkontribwixxi għal arja aktar nadifa.  

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rringrazzja lill-Ministru Michael Farrugia li jaħseb ukoll  għall-gżira Għawdxija u dan ikompli jagħti l-messaġġ li aħna pajjiż wieħed. Kull inizjattiva li jagħmel  il-gvern mhix biss għal Malta imma għal Għawdex ukoll. Irrimarka li bl-installazzjoni ta’ 40 pannella, is-Soċjetà Filarmonika La Stella mhux biss qed tinvesti f’enerġija rinnovabbli iżda tagħti lura l elettriku fil-grid.  

Iż-żewġ ministri żaru wkoll wieħed mill-ikbar irziezet fix-Xewkija fejn qed isir investiment kbir mill kumpanija Solar Engineering ta’ tqegħid ta’ 35,000 pannella li jipproduċu 10 megawatt ta’ enerġija  rinnovabbli. 

“Dan huwa metodu ta’ kif wieħed jutilizza b’mod tajjeb ħafna areas li diġà huma użati u permezz ta’ hekk inkomplu nassiguraw li anke Għawdex ikun hemm proġetti li qed jipproduċu enerġija nadifa li  jgħinu biex inkomplu nilħqu l-miri ambjentali ta’ pajjiżna”, qal il-Ministru Farrugia. 

Il-Ministru Camilleri qal li dan il-gvern jgħin lis-settur privat biex ikompli jinvesti f’dak li għandu  x’jaqsam is-settur tal-enerġija rinnovabbli.  

Il-Ministru għal Għawdex żied li, “Dan huwa pass importanti biex anke l-ispazji li għandna, roof  terraces li għandna, f’dan il-każ area ta’ razzett tal-produzzjoni tal-ħalib, se tkun qed jintuża għall produzzjoni tal-elettriku li ġej minn sors rinnovabbli, li hija x-xemx. Din hija l-viżjoni tal-gvern, li  ninvestu f’enerġija nadifa biex anke f’Għawdex inkomplu nnaqqsu l-enerġija konvenzjonali”.

Ekonomija

Sport