Tuesday, December 24, 2024

INKOMPLU NĦADDNU N-NEWTRALITÀ

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem komplejna nisimgħu b’dak li għaddej fl-Ukrajna. Qegħdin jinstemgħu xokkanti. Kunflitt f’art Ewropea li konna ilna snin ma nesperjenzaw bħalu. Kunflitt li qed jaffettwa b’mod qawwi l-kontinent Ewropew.  Qegħdin naraw pajjiżi li qegħdin jibagħtu għadd ta’ għajnuniet lill-Ukrajna fosthom għajnuna militari.

Pajjiżna, bin-newtralità tiegħu jista’ jgħin biss b’mod umanitarju.  Pajjiżna snin ilu, ħaddan politika ta’ newtralità u non allinejament u dan sar biex proprju Malta ma tinużax għal skop ta’ gwerer. Fuq kollox dan sar biex Malta ma tibqax aktar fortizza f’nofs il-Mediterran kif kienet serviet għas-snin ta’ qabel.

M’għandna ebda dubju li llum, il-maġġoranza huma konxji ta’ kemm in-newtralità hi importanti għal pajjiżna. Ma nistgħux iżda nifhmu kif naraw rapporti f’xi sezzjonijiet tal-midja lokali li jitkellemu fuq li Malta tneħħi n-newtralità tagħha. Mhux biss, imma iħeġġu li għandna nissieħbu fl-Alleanza militari tan-NATO. 

Nemmnu li n-newtralità li tħaddan magħha llum qed naraw li għadha valida. Forsi veru li fis-snin passati wieħed seta’ jistaqsi dwarha għax gwerer fl-Ewropa konna ilna ma nesperjenzaw. Imma llum ferm aktar minn qatt qabel qegħdin naraw kemm din in-newtralità ta’ pajjiżna hi importanti għal dan il-pajjiż. Hi importanti mhux biss biex ma nibħlu fl-ebda kunflitt imma ukoll għall-prosperità tal-pajjiż. In-newtralità ta’ Malta tippermetti li ma nintużaw minn l-ebda pajjiż.

Sa issa Malta fil-limiti tagħha tat is-sehem tagħha mil-lat umanitarju. Għenet u aċċettat fi ħdanha refuġjati Ukreni. Lil hinn minn dan, Malta m’għandha tagħmel lil ħadd għadu tagħha. Mhix aħbar li wieħed jieħu gost biha dik li Malta daħlet fil-lista Russa ta’ pajjiżi li jikkonsidraw bħala li mhumiex ħbieb tagħhom. Tistgħu timmaġinaw kif jista’ jeħodha pajjiż bħar-Russja f’każ li pajjiż bħal tagħna jew xi pajjiż ieħor jissieħeb fin-NATO.

Dan mhux fl-interess ta’ pajjiżna.  L-interess ta’ pajjiżna hu li jibqa’ newtrali. Jaħdem għal paċi. Rajna ħidma fl-aħħar jiem biex dan iseħħ. Rajna kif ġie evitat kunflitt per eżempju fil-pajjiż ġar tagħna il-Libja, b’ħidma diplomatika Maltija. Dan hu l-mod kif għandu jaħdem pajjiżna. Jaħdem billi jinħoloq pont bejn dawk li jkunu f’naħat opposti f’kunflitt. Nifhmu li mhux faċli. Nifhmu l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna. Nemmnu imma li pajjiżna għandu jibqa’ miexi fit-triq li kien qabad fi gvern Laburista immexxi minn Dom Mintoff – politika ta’ newtralità. 

Nemmnu li pajjiżna għandu jibqa’ jħaddan din il-politika ta’ newtralità, li ħadmet u tatna riżulatati fis-snin li għaddew. Fuq kollox ma rridux ninsew li dik il-politika inkisbet b’ħafna sagrifiċċji.

Ekonomija

Sport