Illum, l-4 ta’ Frar, qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji ddedikat biex tikber u tiżdied kuxjenza u għarfien dwar il-marda qerrieda tal-kanċer. Marda li sfortunatament, b’xi mod jew ieħor, tolqot kważi lil kull familja.
Minn żmien għal żmien, toħroġ informazzjoni u statistika dwar is-sitwazzjoni tal-kanċer f’diversi pajjiżi rispettivi u r-rata ta’ suċċess fil-kura għal din l-istess marda.
L-istatistika ġewwa paјјiżna turi li kull sena qed jinstabu mal-2,500 każ ġdid ta’ xi forma ta’ kanċer u madwar 1,000 minnhom imutu, tant li llum, il-kanċer qed ikun il-kawża ewlenija tal-imwiet kollha f’pajjiżna.
Dawn iċ-ċifri iħassbuna u juru l-bżonn ta’ investiment f’dak li huma riżorsi finanzjarji u umani. Il-bżonn ta’ kura speċjalizzata u personalizzata qed dejjem jikber. Mill-banda l-oħra, l-investiment kontinwu fil-qasam tas-saħħa pubblika f’pajjiżna anki fir-rigward tal-kura tal-kanċer ma jistax jiġi nnegat.
L-avvanzi kbar li saru fil-kura ta’ din il-marda, kif ukoll ir-rata ta’ suċċess li qed jikseb pajjiżna fil-ġlieda kontra l-kanċer għandu jkun rikonoxxut minn kulħadd.
Mhux darba jew tnejn li minn dawn il-kolonni sħaqna fuq il-bżonn tal-prevenzjoni u l-ħtieġa ta’ aktar kampanji ta’ għarfien sabiex wieħed jittestja lilu nnifsu jew iżomm ruħu attiv kemm jista’ jkun.
Ninnutaw b’mod pożittiv ukoll li aktar persuni qegħdin jilqgħu l-istedina li ssirilhom mill-awtoritajiet u qed jersqu ‘l quddiem biex jagħmlu t-testijiet meħtieġa.
Qed nirreferu partikularment għall-iscreening li jsir tal-kanċer tas-sider fost in-nisa u l-iscreening tal-musrana l-kbira għall-irġiel fost oħrajn. Ma’ dawn, ma nistgħux ma nsemmux ukoll iż-żieda ta’ aktar mediċini tal-kanċer fuq il-formularju tal-Gvern.
Quddiem dan kollu, bħala Maltin għandna għax inkunu kburin li s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna mhux biss huwa b’xejn għal kulħadd imma huwa wkoll wieħed mill-aqwa li jista’ jingħata f’kull livell.
Xieraq għalhekk li f’dan il-jum insellmu mhux biss lil dawk li huma affettwati u għaddejjin minn sofferenzi li ġġib magħha din il-marda imma wkoll lill-ħaddiema kollha f’dan is-settur għall-ħidma tagħhom bla waqfien u b’tant dedikazzjoni u mħabba.
Ħidma li titwettaq fis-skiet imma li tagħti prijorità u tpoġġi fuq quddiem is-saħħa tal-pazjent u li għalhekk għandha tiġi apprezzata mill-poplu kollu.