Friday, May 16, 2025

INKOMPLU NSAĦĦU D-DRITTIJIET ĊIVILI

Aqra wkoll

Pajjiżna għandu għalxiex ikun kburi li r-riformi li qed jintroduċi, l-aktar f’dawk li huma drittijiet ċivili, qed jiġu ikomplu jkunu rikonoxxuti u mfaħħra minn għaqdiet u organizzazzjonijiet internazzjonali. 

Fil-fatt, għall-għaxar sena konsekuttiva, pajjiżna kklassifika fl-ewwel post fost 49 pajjiż Ewropew li huma mistħarrġa mill-Organizzazzjoni ILGA-Europe li taħdem biex tippromwovi d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.

Ħadd ma jista jiċħad li pajjiżna għamel passi ta’ ġgant fejn jidħlu liġijiet progressivi u dan b’mod speċjali fl-ambitu tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+. Liġijiet li verament jixhdu li pajjiżna qed isir wieħed modern li ma jagħmilx distinzjoni bejn il-persuni u d-drittijiet tagħhom. 

Dan grazzi għal riformi li jkopru minn żwieġ ċivili u ugwali anki bejn persuni tal-istess sess għal rikonoxximent legali tal-ġeneru. Miżuri li poġġewna bħala eżempju tajjeb għall-bqija tad-dinja.

Madankollu, minkejja li l-liġijiet li jagħtu d-drittijiet kollha mistħoqqa lill-persuni LGBTIQ+ qegħdin hemm u niċċelebrawhom, din il-minoranza mhix dejjem hija aċċettata u mhux dejjem ikun il-każ li ngħidu li għandna inklużjoni u sigurtà f’Malta.

Għaldaqstant nistaqsu: kemm verament aħna l-Maltin nirrispettaw id-diversità f’pajjiżna? Aħna verament poplu li nemmnu fid-drittijiet ċivili indaqs lil kulħadd?

Minn dak li naraw u nisimgħu nħossu li l-ugwaljanza reali u konkreta għall-persuni LGBTIQ+ għadha ma ntlaħqitx u dan minħabba li l-kultura u l-mentalità ta’ xi wħud għad ma taċċettax id-diversità.

Nemmnu iżda li kapaċi negħlbu ċertu sterjotipi u dan jekk aħna lkoll nagħtu s-sehem tagħna għal ugwaljanza u tisħiħ tad-drittijiet umani għal kulħadd indaqs.

U dan mhuwiex biss fil-każ tal-komunità LGBTIQ+ iżda anke ta’ minoranzi oħra fosthom l-immigranti u fejn jidħlu d-drittijiet sesswali u riproduttivi. Żewġ suġġetti kontroversjali li jeħtieġ li jibqqgħu jiġi diskussi fil-livelli u fil-fora kollha. 

Meta nħarsu sinċerament ġo fina, nafu li t- triq għadha ma mxejnihiex kollha imma nemmnu li b’xi mod u flimkien, se naslu fejn irridu naslu. Fuq skala globali l-komunitajiet f’minoranza, inkluża dik LGBTIQ+, jiffaċċjaw diskriminazzjoni, stigma, preġudizzju u marġinalizzazzjoni. 

Bħala soċjetà għandna l-obbligu morali li nirrikonoxxuhom u nindirizzawhom biex niżguraw li kulħadd igawdi ħajtu b’mod liberu u fil-paċi.

Meta nirrikonoxxu l-isfidi li jiffaċċjaw dawn il-komunitajiet u nieħdu passi konkreti b’idejna fuq il-kuxjenza, nistgħu nibnu soċjetà fejn kull individwu huwa trattat b’dinjità u rispett. Dan irrelevanti mill-identità, mir-razza u minn liema komunità persuna hija ġejja. Dan għax, ilkoll kemm aħna bnedmin u lkoll kemm aħna tad-demm u l-laħam.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport