Monday, September 23, 2024

Inkomplu nsaħħu l-pjattaforma diġitali ta’ ID Malta b’servizz ieħor offrut online

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat ħabbru li mil-lum ir-reġistrazzjoni tat-twelid u mewt se tkun possibbli online permezz tas-sit tal-Aġenzija Identità Malta (https://identitymalta.com/services/). Il-pubbliku jista’ jirreġistra t-twelid ta’ tarbija ġdida jew il-mewt ta’ persuna billi sempliċiment jimla formola ta’ reġistrazzjoni online.

Il-Ministru Camilleri spjega kif, filwaqt li llum diġa’ hemm servizzi li huma komdi bħall-uffiċċju ta’ Mater Dei, il-klijent għandu jkollu l-għażliet kollha quddiemu. Il-perjodu li għaddejna minnu fl-aħħar xhur wera li l-faċilitajiet online għandhom dejjem ikunu hemm bħala waħda mill-għażliet ewlenin, u hu sodisfatt ħafna bl-investiment li qed tagħmel Identita’ Malta f’dan is-settur.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat stqarr li din hija waħda minn fost id-diversi miżuri ta’ simplifikazzjoni li ttieħdu minn Identity Malta fejn se tkun qed tħalli impatt pożittiv lil dawk li jagħmlu użu mis-servizzi tagħha. Is-Sur Muscat faħħar l-impenn tal-aġenzija sabiex tkompli fil-ħidma li qed twettaq, li tissimplifika l-proċessi tagħha u tkun aktar qrib tan-nies. 

Meta titwieled tarbija, wieħed mill-ġenituri, jew it-tnejn li huma, f’każ li t-tarbija twieldet barra ż-żwieġ, irid jinnotifika t-twelid fi żmien 15-il ġurnata. Sabiex tirreġistra t-twelid tat-tarbija online, il-ġenituri jridu jidħlu fis-sit permezz tal-kredenzjali tal-eID tagħhom qabel ma jipproċedu sabiex jimlew il-formola. Meta jkunu qed jimlew il-formola, se jintalbu sabiex jagħmlu l-għażla li tirrifletti l-istat ċivili tagħhom u jridu jtellgħu l-karta tal-identità tagħhom (skont kif ikun applikabbli) kif ukoll iċ-Ċertifikat tat-Twelid (li jkun inħareġ mill-isptar u jkun iffirmat mill-qabla), qabel ma jipproċedu sabiex jagħmlu ħlas ta’ 2.60 online. Il-ġenituri jirċievu konferma permezz tal-email u jkunu mgħarrfa liema dokumenti oħra jridu jiġu sottomessi, kemm-il darba jkun il-każ. L-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku imbagħad jibgħat bil-posta l-formola mimlija flimkien mal-Att tat-Twelid lill-ġenituri, sabiex dawn jikkonfermawhom. Ladarba ffirmati, id-dokumenti u ċ-Ċertifikat tat-Twelid oriġinali li nħareġ mill-isptar iridu jintbagħtu lill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku bil-posta (Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku, Sezzjoni tan-Notifiki Lokali, Binja Evans, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta). Hekk kif issir ir-reġistrazzjoni, l-ġenituri jkunu nfurmati permezz ta’ messaġġ fuq il-mobile jew permezz ta’ email li jkunu jistgħu jordnaw iċ-ċertifikat tat-tarbija tagħhom minn fuq www.ċertifikati.gov.mt.

Il-proċess sabiex tkun reġistrata l-mewt ta’ persuna huwa simili ħafna għal dak tat-twelid. Il-persuna li tkun qed tirreġistra (li mhux neċessarjament tkun qarib tal-persuna mejta) trid tidħol fis-sit tal-aġenzija Identity Malta, tuża l-kredenzjali tal-eID tagħha, timla d-dettalji u ttella’ d-dokumenti neċessarji, li jinkludu ċ-Ċertifikat tal-Mewt DH35, il-karta tal-identità ta’ min qed jagħmel in-notifika u l-karta tal-identità tal-persuna mejta. Ladarba lesta, id-dikjarant jirċievi email ta’ konferma u l-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku jibgħat bil-posta l-formola mimlija, sabiex dik tkun approvata permezz ta’ firma. Ladarba tkun iffirmata, il-formola flimkien maċ-Ċertifikati DH35 u l-karta tal-identità tal-persuna mejta jridu jintbagħtu lill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku. Ladarba r-reġistrazzjoni sseħħ, d-dikjarant ikun informat jew permezz ta’ SMS jew permezz ta’ email li issa ċ-ċertifikat tal-mewt jista’ jiġi ordnat minn fuq is-sit www.ċertifikati.gov.mt.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta s-Sur Anton Sevasta qal li l-aġenzija se tkun qed temigra numru ta’ servizzi oħrajn online sabiex tilħaq il-miri strateġiċi diġitali tagħha.

Sport