Saturday, December 21, 2024

INKONSISTENZA PERSISTENTI FIL-PN

Aqra wkoll

Il-kwistjoni tal-bdiewa kompliet turi l-inkonsistenza u l-arroganza fi ħdan l-Oppożizzjoni Nazzjonalista meta f’dawn il-jiem komplew iwaħħlu fil-Gvern għal xi nuqqasijiet li qed jaffaċċjaw l-istess bdiewa lokali bħalissa. L-Oppożizzjoni qajla nnutat illi l-protesta li għamlu ma kinitx kontra l-Gvern imma kontra d-direttivi li l-Kummissjoni Ewropea riedet timponi fuq is-settur tal-biedja tnaqqis fil-pestiċidi. Fil-fatt, il-protesta mill-bdiewa ma kinitx f’pajjiżna biss imma f’diversi pajjiżi oħra Ewropej. 

Dan juri li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista m’għandhiex idejha fuq il-polz tal-ħaddiema f’dan is-settur. Mhux hekk biss, talli interpretaw il-fatt li l-Prim Ministru niżel jitkellem mal-bdiewa u r-raħħala biex juri solidarjeta’ magħhom, iddeskrivewh bħala eżerċizzju għall-cameras u r-ritratti, u kważi u kważi intrepretaw li l-Gvern abbanduna l-kawża tal-bdiewa. 

Dawn almenu misshom apprezzaw l-għajnuna kollha li dan is-settur ingħata matul is-snin. Fil-fatt, mill-2019 sas-sena l-oħra, dan is-settur ingħata 79 miljun ewro f’għajnuniet u sussidji biex il-bdiewa u r-raħħala jiġu megħjuna sabiex jinvestu f’makkinarju, inġenji u binjiet li huma meħtieġ għall-operat tagħhom ta’ kuljum. Dan biex ma nsemmux l-għadd ta’ toroq rurali li ġew irranġati u ma tħallux fl-istat żdingat li kienu fih. Għalhekk, kienet tkun aktar għaqlija l-Oppożizzjoni li kieku semmiet u rrikonoxxiet din l-għajnuna kollha. 

Illum il-bdiewa u r-raħħala għandhom il-garanzija tal-Prim Ministru li se jibqa’ jkun ta’ spalla għalihom fl-isfidi li jiffaċċjaw u l-problemi li jistgħu jgħaddu minnhom. Wieħed irid japprezza wkoll li l-Gvern kien kuraġġuż biżżejjed biex iwettaq riformi f’dan il-qasam li kienu ilhom biex isiru jew proġetti strutturali fosthom l-estensjoni fin-network tan-New Water, li għandhom jagħmlu differenza kbira. 

Dan kollu għandu jservi mhux biss ta’ ġid għall-bdiewa u r-raħħala nfishom imma wkoll għall-pubbliku inġenerali biex ikun jista’ jgawdi mill-ġenwinita’ tal-prodott lokali. Fuq kollox, il-konsumatur Malti, jekk jibqa’ jkun inkoraġġit li jixtri prodott lokali jkun minnu nnifsu qed jipproteġi l-għajxien tar-raħħala u l-bdiewa tagħna. 

Pajjiżna jaffaċċja diversi sfidi fosthom iċ-ċokon ġeografiku tiegħu. Mhux l-inqas l-isfidi fis-settur tal-agrikoltura. Għalhekk nifhmu li aktar ma jkun hemm inċentivi u investimenti f’dan il-qasam, inkunu aktar f’pożizzjoni li nħajru liż-żgħażagħ jagħmlu karriera mill-biedja u mhux ifittxu impjiegi oħra. 

Ekonomija

Sport