L-infrastruttura tal-pajjiż qegħdin narawha tinbidel mil-lejl għan-nhar. Fl-aħħar snin, saru u qegħdin isiru proġetti li komplew isaħħu l-infrastruttura tat-toroq tagħna u dan b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun. Minn proġetti żgħar għal oħrajn maġġuri li jirrikjedu aktar żmien biex jitlestew iżda li l-benefiċċji tagħhom qed narawhom fil-prattika.
Minħabba l-kumplessità tiegħu, il-qasam infrastrutturali ta’ pajjiżna, spiss ikun fil-qalba tad-diskussjoni politika. Dan hekk kif ilkoll kemm aħna nintlaqtu b’mod dirett u anke indirett minnu. Riċentament rajna wkoll issir kritika fuq il-proġett li qed isir biswit l-ajruport, li issa daħal fl-aħħar fażi tiegħu.
Qabel xejn, hawn qed nitkellmu fuq proġett maġġuri ewlieni, b’investiment ta’ €18-il miljun, li se joffri konnessjonijiet aktar faċli u siguri lejn Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żurrieq, Ħal Safi u nħawi oħra fil-viċinanzi.
Fl-aħħar jiem kompla jingħata l-asfalt f’diversi toroq oħra ta’ dan il-proġett. Dan wassal biex kellhom isiru devjazzjonijiet ġodda tat-traffiku. Konsegwenza t’hekk inħolqot konġestjoni f’xi nħawi, b’mod partikolari dawk li kellhom jgħaddu mid-direzzjoni minn Ħal Kirkop lejn Ħal Luqa.
Minkejja li nemmnu li huwa dritt ta’ dak li jkun li jesprimi l-ilmenti tiegħu, anke jekk dan għandu jsir b’ċertu etika, tajjeb li napprezzaw li dawn il-ħaddiema qegħdin isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom skont il-pjan tal-istess proġett.
Infakkru wkoll li f’waħda mill-aħħar seduti parlamentari, il-Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Aaron Farrugia kien aġġorna lill-Kamra b’rabta ma’ dan il-proġett u anke talab il-koperazzjoni tal-pubbliku minħabba fażi delikata li kien wasal fil-proġett hekk kif riesaq lejn it-tmiemu.
Dakinhar kienet saħansitra ssemmiet il-perjodu ta’ meta dan se jitlesta, jiġifieri sal-aħħar ta’ April. U għalhekk nemmnu li għandu jkun hemm bilanċ bejn dak li jintqal jew anke jinkiteb u l-verità ta’ fejn sejjer il-proġett.
Ejja ma ninsewx proġetti infrastrutturali kbar oħra bħalma huma s-Central Link u Triq Buqana, li minkejja l-ħafna kritika, ritratti u anke lmenti fuq il-midja soċjali rigward traffiku sakemm tlestew tali proġetti, illum qed ingawdu l-frott tagħhom, kif qed nistennew li jseħħ la jitlesta l-proġett biswit l-ajruport.