Thursday, July 31, 2025

“Inkonvenjenzi għall-Maltin minħabba l-influss tat-turisti”

Midja barranija b’nuqqas ta’ riċerka xierqa… allegat li f’darba qed ikollna nixtru provvista ta’ ikel għal xahar sħiħ 

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Rapport fil-midja express.co.uk wasal għal konklużjonijiet bla bażi u mhux veritieri li jixhdu nuqqas ta’ riċerka xierqa u fattwali li f’Malta tant qiegħed ikollna influss qawwi ta’ turisti li qed ikollna, nixtru u naħżnu provvista ta’ ikel għal xahar sħiħ. Mhux talli hekk, talli f’kitba li tixhed li ma tkellmux man-nies tal-lokal, ġie allegat ukoll li għalina, pajjiżna sar tal-biża’ u li diffiċli nużaw it-trasport pubbliku.

Minflok raw kif il-Maltin igawdu din “id-destinazzjoni Ewropea tant popolari” ta’ kuljum għax kellna x-xorti li nitwieldu fiha, allegaw li nħossuna barranin f’pajjiżna stess. Naqsu milli jaraw kif il-ħajja f’Malta, fil-verità, hija msejsa fuq stil u valuri ta’ ħajja tradizzjonali unika, b’komunitajiet magħquda u nies tal-lokal li għandhom ħajja ta’ kwalità. Kwalità ta’ ħajja li fost elementi oħra, ksibna grazzi għall-flus li niġġeneraw fl-ekonomija tagħna mit-turiżmu.

Ingħad li s-sena l-oħra Malta “kisbet rekord ta’ 3.56 miljun turist. Filwaqt li t-turiżmu għandu rwol kruċjali fl-ekonomija Maltija, l-ammont kbir ta’ turisti li jfittxu x-xemx jikkawżaw ħafna problemi fil-gżira, bil-konsegwenza lil xi nies tal-post iħossuhom bħala barranin f’darhom stess”.

Mhux riflessjoni tal-esperjenza vera tagħna

Interessanti wkoll li l-awturi tal-artiklu barrani m’għamlux referenza għall-awtoritajiet Maltin bħall-MTA jew Transport Malta. Setgħu faċilment isiru jafu li minkejja sfidi temporanji bħal f’kull destinazzjoni Ewropea popolari, it-trasport pubbliku f’pajjiżna jibqa’ funzjonali u aċċessibbli. Il-problemi jistgħu jeżistu, imma huma l-eċċezzjoni u mhux ir-regola. L-allegazzonijiet li pajjiżna sar tal-biża’, jew li l-Maltin qegħdin iħossuhom barranin f’darhom stess, mhux biss mhumiex riflessjoni tal-esperjenza vera tagħna, imma huma għajta sensazzjonali nieqsa mill-kuntest u l-verita.

Ir-rapport ammetta li l-aġenziji tal-ivvjaġġar Ingliżi jirreklamaw lil Malta għax “għandha taħlita unika ta’ bajjiet xemxin u bliet kulturali”. Żied li l-gżira tagħna qiegħda tattira wkoll suq turistiku minn pajjiżi miċ-ċentru u Lvant tal-Ewropa b’mod partikolari mill-Polonja. Skont l-istess rapport, dawn it-turisti Polakki “qegħdin jikkontribwixxu għaż-żieda preżenti fl-ammont ta’ viżitaturi”.

Rapporti bħal dawn jonqsu minn riċerka serja u tajjeb li bħala mezzi tax-xandir inwasslu l-fatti u mhux deduzzjonijiet jew sensazzjonaliżmi bla bażi. Għalkemm bħal kull pajjiż ieħor Malta tiffaċċja l-isfidi tagħha, dan ma jfissirx li l-kwalità tal-ħajja tagħna hija b’xi mod kompromessa. Għall-kuntrarju. F’Malta rari ssib min jixtri ikel għal xahar sħiħ u dan grazzi għall-aċċessibbiltà li joffru l-ammont ta’ ħwienet li għandna; pajjiżna jibqa’ pajiżna għax twelidna u ngħixu fih; u kif dejjem għamel, il-Malti jilqa’ lit-turisti b’idejh miftuħa. Lit-turisti li jżuruna ma narawhomx żejda jew inqisuhom ta’ inkonvenjent u dan għas-sempliċi raġuni li nħarsu lejhom bħala sħab fl-iżvilupp tagħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport