L-Unjoni Ewropea għadha kemm tat ċertifikat ieħor b’saħħtu lil pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mat-tisħiħ fl-innovazzjoni u r-riċerka fl-intrapriżi Maltin. Kien innutat kif is-sistemi robusti ta’ pajjiżna, l-investiment kontinwu ta’ kwalità u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli wasslu biex pajjiżna jinsab fost l-aqwa erba’ pajjiżi fl-Ewropa mfittxija minn start ups innovattivi.
Saħansitra, il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu, fakkar kif il-Malta Enterprise f’dawn l-aħħar snin offriet bosta għajnuniet u skemi biex ikunu ta’ bażi għal start ups ġodda f’diversi oqsma, mill-informatika għat-teknoloġija, ix-xjenza u l-intelliġenza artifiċjali.
Iż-żgħażagħ Maltin u studenti diġa taw prova tal-ħila tagħhom f’dan il-qasam bl-ideat friski u innovattivi li ħarġu bihom. Dan jikkonferma wkoll illi l-livell edukattiv f’pajjiżna huwa huwa għoli u b’saħħtu u jħabbatha ma’ pajjiżi oħra, l-iktar fejn tidħol ir-robotika. L-MCAST kien strumentali f’dan is-suċċess kollu.
Aktar ma jkun hemm start ups ġodda, anke jekk ikunu żgħar, huwa ta’ benefiċċju għall-ekonomija b’mod ġenerali biex jiġi ġġenerat aktar investiment u allura ħolqien ta’ mpjiegi f’setturi teknoloġiċi u anke f’setturi oħra industrijali u li huma relattivament ġodda.
Biex ikompli jinkoraġġixi u jinċentiva lil start ups ġodda, il-Gvern jista’ jipprovdi wkoll faċilitajiet tanġibbli li diġà jeżistu li jew mhumiex utilizzati biżżejjed jew li mhuma utilizzati xejn fosthom xi binjiet vojta li hemm fil-Crafts Village f’Ta’ Qali.
F’dan ir-rigward ninnutaw il-kritika inġusta li ntefgħet fuq il-Kap Eżekuttiv li għadu kif jinħatar tal-Malta Enterprise. Din il-kritika mill-Partit Nazzjonalista, nemmnu li tista’ tħalli effetti mhux xierqa fuq l-operat u l-effiċjenza tal-istess Kap Eżekuttiv ġdid, li fil-fehma tagħna jista’ b’xi mod ikollha influwenza wkoll fuq l-istart ups.
Għalhekk, huwa meħtieġ li dan is-settur ekonomiku jitħalla jimraħ bil-libertà kollha sabiex jibqa’ jkollna tkabbir ekonomiku li fl-aħħar mill-aħħar igawdi minnu mhux biss in-negozju imma anke l-poplu b’mod inġenerali. Għalhekk nemmnu li pajjiżna għandu bżonn min jinkoraġġixxi l-investiment u mhux min isib ix-xagħra fl-għaġina anke f’nuqqasijiet insinifikanti.