Monday, May 13, 2024

INKUNU AKTAR SENSITTIVI … SPEĊJALMENT FUQ IL-MIDJA

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar snin, il-ħajja tal-persuni b’diżabilità kompliet titjieb u dan bl-implimentazzjoni ta’ diversi programmi u riformi li wasslu biex il-livell tal-għajxien ta’ dawn il-persuni jogħla u b’hekk jaslu sabiex jgħixu ħajja indipendenti kif tassew jixirqilhom. 

Permezz ta’ budget wara l-ieħor, dan il-Gvern qiegħed ikompli juri bil-fatti kemm tassew qiegħed jinvesti fl-inklużjoni, biex b’hekk dawn il-persuni, li m’għandhom xejn inqas minn ħaddieħor, ikomplu jħossuhom parti mis-soċjetà u anke jidħlu fid-dinja tax-xogħol. 

Gvern Laburista fetaħ residenzi u anke ċentri ta’ matul il-jum għal persuni b’diżabilità,  bil-għan li minbarra li jkunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti, itejbu l-abiltajiet tagħhom. Nemmnu li inizjattivi bħal dawn huma importanti fl-iżvilupp ta’ dawn il-persuni biex ikunu jistgħu jemmnu aktar fihom infushom u fl-abiltajiet tagħhom. 

Minkejja l-isforzi kollha li qed isiru biex l-inklużjoni tingħata l-prijorità li jistħoqqilha, sfortunatament xorta waħda għadek issib min jikteb kummenti dispreġġjattivi fil-konfront ta’ dawn il-persuni. Proprju fil-jiem li għaddew, raġel weħel multa ta’ €10,000 wara li nstab ħati li xerred ritratt, magħruf bħala “meme”, fuq Facebook fejn iżżuffjetta b’individwi li għandhom il-kundizzjoni tad-Down Syndrome.

Riċentament fil-midja kien hemm min allega li l-mard u d-diżabilità ġejjin mid-dnub. Inħossu li dan huwa inaċċettabbli. Mhux biss fil-konfront ta’ dawn il-persuni, imma wkoll fil-prinċipji umani li soċjetà ċivilizzata għandha tibni l-prinċipji fundamentali fuqhom. 

Nemmnu li wkoll għandu jkun hemm sensittività aħjar fil-mod kif ċertu temi, intervisti, kif ukoll artikli, għandhom jiġu ppubblikati. Dan għandu jsir mhux biss biex jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawk li għandhom abiltajiet differenti, imma anke sabiex pajjiż bħal Malta jaderixxi għal diversi prinċipji u drittijiet fosthom il-Konvenzjoni tad-Drittijiet Umani li ċertament tmur kontra dan it-tip ta’ diskors.

Filwaqt li huwa tajjeb li ċertu entitajiet jiddistanzjaw ruħhom minn dawn it-tip ta’ kummenti, inħossu li dan għandu jkun antiċipat. Għaldaqstant huwa importanti li bħala midja nkunu proattivi u mhux reattivi. 

Sport