Sunday, December 22, 2024

INKUNU L-BIDLA: DEJJEM JEW FEJN JAQBLILNA BISS?

Aqra wkoll


Ftit tal-jiem ilu ħarġet allegazzjoni fuq ġurnal lokali li kumpanija tal-PL kienet se tiffirma kuntratt ma’ Yorgen Fenech. Ħabta u sabta l-Partit Nazzjonalista talab lill-pulizija tinvestiga dan il-kuntratt, filwaqt li Team Start ħa l-okkażżjoni jagħmel stunt politiku quddiem il-Kwartieri Ġenerali. Ma nagħtihomx tort sa barra jagħmlu stunt hekk, speċjalment fi żmien fejn l-istunts kapaċi jimxu aktar fuq l-aħbarijiet mis-sustanza.


Biss pero’, biex ikunu veru kredibbli l-Partit Nazzjonalista, kellhom jagħmlu rapport ieħor d-depot fuqhom stess. L-istess Team Start, kellhom jagħmlu protesta oħra apparti dik li għamlu jekk veru jridu ‘jkunu l-bidla’.  Dan għaliex tajjeb li niftakru li fl-2017 kellek allegazzjonijiet li l-PN ħa flus mingħand negozjanti għal riklami fuq bziezen ineżistenti. Ir-raġuni tgħidlek, li jekk veru trid tnaddaf lil pajjiżek, trid tibda b’darek – u hekk imissu jagħmel il-Partit Nazzjonalista jekk irid ikun kredibbli. 

Jekk xejn, li għandu bżonn dan il-pajjiż b’mod kollettiv huwa li jammetti miegħu nnifsu li l-marda marrdet lil kulħadd, u mhux lill-avversarji tagħna biss – u ilna morda mill-għada li telqu l-Ingliżi. Bħal ħafna, kelli l-opportunita’ nżur diversi pajjiżi f’dawn is-27 sena. Malta, għalkemm għandna liġijiet simili ta’ pajjiżi oħrajn, sfortunatament għal ħafna żmien kellna wkoll regoli mhux miktuba li jgħidu li dawn il-liġijiet qegħdin hemm biex ikunu hemm, u mhux biex jiġu applikati. Din tal-aħħar, tgħodd b’mod speċjali fejn jidħlu r-relazzjonijiet bejn il-politiċi u n-negozjanti.

Aktar minn hekk, ma jistax jibqa’ jkollok sitwazzjoni fejn nies li huma viżibbilment parti mill-problema, jibqgħu jippuntaw subgħajhom lejn ħaddieħor u jiproġettaw lilhom infushom bħala parti mis-soluzzjonijiet li għandna bżonn, għax inkunu qed nitmejlu bin-nies. Ħabib tiegħi li mhuwiex Laburist infatti m’ilux qalli: “Taf għala jibqa’ jirbaħ il-Labour? Għax ma jilgħabiex tal-verġni. Ara l-PN, jibqa’ jġorr il-ħmieġ imma jilgħabha tan-nadif.” Nemmen li kellu raġun jgħid hekk għax din hija preċiżament għala l-PL jibqa’ jirbaħ b’maġġoranzi kbar: għax ma jippruvax ibella’ r-ross bil-labra lin-nies.

Biss pero’, l-problema hemm tibqa’, u allura xinhi s-soluzzjoni għal dan kollhu? Inwieġeb li tweġiba mija fil-mija m’għandix. Li nista’ ngħid hu li aktar ma’ jgħaddi ż-żmien aktar nikkonvinċi ruħi li hemm bżonn riforma komprensiva u bidla fil-mentalita f’qasir taż-żmien: li tagħmilha ċara li Malta tal-bieraħ u l-bieraħtlula mhumiex il-Malta tal-lum u ta’ għada. Wisq nibża’ madanakollu li l-uniċi ostakli f’dan ir-rigward huma battibekki politiċi pwerili u interessi kollettivi li għandhom kull interess li jagħtu l-impressjoni li huma riformisti…imma li l-azzjonijiet tagħhom jgħidu mod ieħor. L-istorja għad ittina parir f’dan ir-rigward. Li nistgħu nagħmlu għalissa huwa nibqgħu nittamaw.

Ekonomija

Sport