Bħala pajjiż irridu nieħdu ħsieb lil kull persuna. Irridu niżguraw li kull bniedem jgħix ħajja ta’ dinjità. Inutli jissemmew il-miljuni fil-budget, għax jekk ma jirnexxilniex nagħmlu dan, inkunu qed nonqsu bħala Stat.
Waqt diskussjoni li ffukat fuq il-politika soċjali u li xxandret live fuq NET TV mill-Imperial f’Tas-Sliema, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tkellem dwar l-importanza li meta nitkellmu fuq il-budget ma ninsew lill-ebda faxxa tas-soċjetà.
Huwa qal li hekk kif qed tirranka d-diskussjoni dwar il-budget, id-diskussjoni tal-lum ma’ kelliema li jirrappreżentaw faxex differenti tas-soċjetà hija waħda li ma tista’ tieqaf qatt.
Alex Borg qal li jrid ikollna politika li ddur mal-bniedem – politika li tittratta b’serjetà problemi bħall-faqar, is-solitudni u s-saħħa mentali. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jaħdem kontinwament fuq dan il-qasam, u semma’ l-proposta tan-National Health Village f’Selmun fil-programm elettorali Nifs Ġdid.
