Tuesday, November 26, 2024

INKWETANTI REKORD IEĦOR FIR-RATA TA’ INFLAZZJONI

Aqra wkoll

Proprju erbat ijiem ilu, ġiet ippubblikata l-istatistika tal-Eurostat dwar l-inflazzjoni. Għal darba oħra iż-Żona Ewro kellha rekord ieħor. Inflazzjoni b’rata ta’ 9.1 fil-mija. Jekk wieħed janalizza l-istatistika isib li aktar ħaġa li qed twassal għall-inflazzjoni fil-pajjiżi Ewropej huma l-prezzijiet tal-enerġija. 

F’pajjiżna għalkemm il-prezzijiet tal-enerġija baqgħu kif kienu, qegħdin naraw ukoll rekord f’dik li hi rata ta’ inflazzjoni, li issa għal Awwissu laħqet is-7.1 fil-mija. Żieda ta’ tlett perċentwali fuq Lulju u żieda ta’ 1 fil-mija fuq Ġunju. F’Awwissu ta’ sena ilu ir-rata ta’ inflazzjoni kienet biss ta’ 0.4 fil-mija.

Wieħed irid jirrimarka li meta nqabblu r-rata ta’ pajjiżna ma’ dik tal-pajjiżi Ewropej naraw li r-rata’ ta’ inflazzjoni f’Malta hi kważi l-inqas waħda. Hi dik ta’ Franza b’6.5 fil-mija li hi inqas minn ta’ Malta għax-xahar ta’ Awwissu.

Dan ir-rekord ta’ inflazzjoni imma hu inkwetanti f’pajjiżna. Dan għax waqt li għandna l-qasam tal-enerġija li hu kontrollat sew f’Malta f’dak li hu prezz u li fl-Ewropa hu l-aktar fattur li qed iżid il-prezzijiet, mill-banda l-oħra xorta waħda f’Malta ir-rata ta’ inflazzjoni telgħet sew. Mhux hekk biss imma għax-xahar ta’ Awwissu, iż-żieda ta’ inflazzjoni f’Malta meta mqabbla max-xahar ta’ qabel kienet fost l-ogħla.

Filfatt huma biss tliet pajjiżi Ewropej li r-rata tagħhom ta’ inflazzjoni f’xahar kienet akbar minn dik ta’ Malta. Ir-rata ta’ inflazzjoni fix-xahar, li tinkorpora fiha it-tibdil fir-rata ta’ inflazzjoni bejn Lulju u Awwissu, ta’ pajjiżna kienet ta’ 1.1 fil-mija.  Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi ir-rata kienet tvarja minn 0.1 fil-mija għal 0.8 fil-mija.  Xi pajjiżi saħansitra kellhom tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni. Kienu l-Olanda b’2.3 fil-mija u l-Estonja u l-Belġju b’ 2.4 u 1.8 rispettivament li kellhom rata akbar minn dik ta’ Malta.

L-istatistika Ewropea qiegħda turina b’mod ċar ħafna li jekk inneħħu  l-kontribuzzjonijiet tal-Gvern għall-enerġija u tal-fjuwil mill-istatistika tal-inflazzjoni, Malta tispiċċa b’waħda mill-ogħla żidiet fl-għoli tal-ħajja.

Din l-istatistika tirrifletti ukoll is-sentiment li qed iħoss il-poplu tagħna. F’pajjiżna hawn min ma qgħadx lura milli jieħu vantaġġ minn narrattiva globali. Hawn min għolla l-prezzijiet b’mod artifiċjali. Kemm ta’ prodotti u anke ta’ servizzi.

F’pajjiżna ibda minn prodotti u ibqa’ sejjer f’servizzi, kien hemm ċaqliq fil-prezzijiet, li llum qed jaffettwa ħafna konsumaturi.

M’hemm ebda dubju li din il-mewġa ta’ inflazzjoni, qed twassal biex konsumaturi jibdew joqogħdu lura. Nemmnu ukoll li aktar ma’ jgħaddi żmien aktar il-konsumaturi se jindunaw li jridu joqogħdu aktar attenti.  Nemmnu li quddiem din is-sitwazzjoni f’pajjiżna hemm bżonn aktar trasparenza fil-prezzijiet. Ma nistgħux nibqgħu bis-sitwazzjoni fejn tmur tixtri bil-prodott ikollu prezz u tal-ħanut iżommlok aktar u jekk tiġbidlu l-attenzjoni għax tkun indunajt jgħidlek għax dak qiegħed bil-prezz l-antik.  Nifhmu li l-awtoritajiet għandhom biċċa xogħol diffiċli biex jikkontrollaw dan, imma nemmnu li sitwazzjoni simili għandha tkun trattata b’mod immedjat.

Fuq kollox il-konsumatur għandu is-saħħa f’idejh, u għandu dritt ikun jaf liema huma dawk il-ħwienet li meta tara prezz tal-prodott mhux se ssib li jinbidel meta tasal biex tħallas.   Dan l-istess kif wieħed irid jara, eżattament x’qed jiġri fejn jidħlu ristoranti u ħwienet oħra u anki hawn saru proposti mill-Għaqda tal-Konsumaturi, li din il-gazzetta rrappurtat dwarhom, iżda jidher li ftit li xejn sar dwarhom sa issa.

Lil hinn minn dan, hu fatt li żieda qawwija fil-prezzijiet tat-trasport u tal-loġistika affettwaw bil-kbir il-prezzijiet f’pajjżna. Hu ċar llum aktar minn qatt qabel li hemm bżonn li dan is-settur ikun mgħejjun, biex imbagħad din l-għajnuna tirrifletti fil-prezzijiet. 

Sport