L-attakk militari tal-Istati Uniti fuq il-Veneżwela ma kienx biss azzjoni ta’ forza kontra gvern ostili, iżda mossa kkalkulata f’logħba ġeopolitika usa’ fejn l-enerġija, b’mod partikolari ż-żejt, hija l-vera raġuni wara kollox. Ftit jiem wara l-intervent, il-President Donald Trump ħabbar li Washington se tixtri sa $2 biljun f’żejt Veneżwelan biex skont huwa, “jiġi stabbilizzat is-suq” u fl-istess ħin titnaqqas id-dipendenza globali fuq fornituri meqjusa bħala rivali strateġiċi, b’mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina.
Skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Trump, wara t-tneħħija tal-President Nicolás Maduro, il-Veneżwela għandha terġa’ tidħol fis-sistema tal-enerġija internazzjonali taħt “qafas ġdid ta’ trasparenza u koperazzjoni mal-Istati Uniti”. Il-messaġġ politiku huwa li min jikkontrolla ż-żejt, jikkontrolla parti mill-influwenza globali u hekk hu. Din l-istrateġija tidħol f’kuntest usa’ fejn Washington qiegħda tipprova tagħlaq spazju ekonomiku u politiku lil Moska u Beijing li fl-aħħar snin żiedu l-influwenza tagħhom permezz ta’ kuntratti tal-enerġija u alleanzi kummerċjali.
Fil-fatt, l-attakk ta’ Trump fuq il-Veneżwela ma nilżilx tajjeb la mir-Russja u lanqas miċ-Ċina. Tant huwa hekk li ż-żewġ partijiet f’dawn l-aħħar ġranet wissew b’konsegwenzi.
Reazzjonijiet immedjati…
iżda x’qed jiswa? fejn se naslu?
Ir-reazzjonijiet internazzjonali kienu immedjati u dan fuq firxa wiesgħa. In-Nazzjonijiet Uniti wissew li l-użu tal-forza flimkien ma’ arranġamenti ekonomiċi wara intervent militari jqajmu tħassib serju dwar ir-rispett lejn is-sovranità u l-liġi internazzjonali. L-Unjoni Ewropea għadha żżomm lura. Il-Blokk Ewropew min-naħa tiegħu appella għal de-eskalazzjoni u enfasizza li l-enerġija m’għandhiex tintuża bħala strument ta’ pressjoni militari. Quddiem dan, kien hemm diversi stati membri li sostnew li din il-linja ta’ azzjoni tpoġġi lill-UE f’pożizzjoni delikata bejn alleanza u prinċipji.
In-NATO, min-naħa tagħha, sabet ruħha f’sitwazzjoni sensittiva fejn formalment tappoġġja s-sigurtà tal-alleati iżda taf li d-deċiżjonijiet unilaterali Amerikani qegħdin jipperikolaw il-koeżjoni tal-alleanza. Dan it-tħassib jiżdied meta jitqiesu wkoll il-kummenti ripetuti ta’ Trump li jrid Greenland bl-iskuża għall-kontroll tal-Arktiku u għad-difiza kontra l-espansjoni Russa u Ċiniża.
Ir-Russja mill-ewwel ikkundannat kemm l-attakk fuq il-Veneżwela kif ukoll il-ftehim taż-żejt propost u qalet li l-Istati Uniti qegħdin jużaw il-forza biex jaħtfu riżorsi u jbiddlu bilanċi reġjonali. Iċ-Ċina ħarġet twissija simili fejn sostniet li tali mossa tikkonferma politika “egemonika” li tista’ tħalli effetti destabilizzanti fuq is-suq globali tal-enerġija. Fl-Amerika Latina diversi pajjiżi raw il-ftehim taż-żejt bħala estensjoni ekonomika tal-intervent militari u mhux bħala soluzzjoni għall-kriżi.
Fuq front ieħor id-Danimarka u l-Greenland reġgħu ċaħdu bil-qawwa kwalunkwe tentat ta’ kontroll Amerikan fuq it-territorju Arktiku. Il-mexxejja ta’ Nuuk enfasizzaw li ċ-ċittadini ta’ Greenland għandhom id-dritt għall-awtonomija tagħhom, filwaqt li Kopenħagen wissiet li pressjoni jew theddid jista’ jwassal għal nuqqas ta’ fiduċja fin-NATO.
Politika perikoluża…
tensjonijiet bilaterali f’xifer
Mill-attakk fuq il-Veneżwela, ix-xiri bil-biljuni ta’ żejt, ħtif ta’ tankers, sat-tentattiv li jieħu taħt idejh Greenland, naraw strateġija ta’ qawwa militari u ekonomika biex l-Istati Uniti tkun “l-ewwel u qabel kollox u qabel kulħadd”. Din hija l-politika ta’ Trump. Politika li lest li jagħmel minn kollox u jgħaddi minn fuq kulħadd għall-interess Amerikan. Huwa minnu li hemm Veneżwelani li jaraw l-intervent ta’ Trump bħala s-“salvazzjoni” iżda finalment din is-salvazzjoni ġiet bil-prezz taż-żejt tagħhom.
Bl-ideat, bid-deċiżjonijiet u bl-azzjonijiet riċenti tal-mexxej Amerikan, it-tensjonijiet bilaterali qegħdin jeskalaw. Dan għax meta l-enerġija tintrabat direttament mal-forza, jiskattaw gwerer ekonomiċi u tonqos il-fiduċja globali. Wieħed ma jridx jinsa li d-dinja diġà tinsab imdendla bil-gwerer fl-Ukrajna u f’Gaża, biex ma nsemmux il-konflitti kollha l-oħra li hemm. Jekk issa l-Istati Uniti jidħol f’konfront mar-Russja, maċ-Ċina, mal-Ewropa jew man-NATO, x’tama hemm li finalment il-popli madwar id-dinja jgħixu fil-paċi u fl-armonija?

