Smajna li l-President Joe Biden mar l-Ukrajna, nafu li ċ-Ċina hija rrabjata, il-forniment tal-armi u l-ispejjeż li daħlet għalihom l-Unjoni Ewropea tefa’ piż kbir fuq iċ-ċittadini u nafu wkoll li jiġri x’jiġri, ir-Russja bħala pajjiż se jibqa’ hemm. Il-ġlied, it-tixrid tad-demm u l-inkwiet se jidħol fit-tieni sena u l-ekonomiji għadhom ma rpiljawx u jekk nibqgħu sejrin hekk, se nieħdu fit-tul u nxekklu t-tkabbir u se jkomplu jitfarku.
Dan sakemm jieqfu jisħnu l-irjus, jieqfu l-alleanzi u jirrenja s-sens komun li minflok nimbottaw il-ġlied, noffru appoġġ ħalli l-partijiet f’konflitt, ipoġġu fuq il-mejda tad-diskussjoni.
Qatt ma kien u żgur li m’għandux, li l-bniedem ikompli b’konflitt wara l-ieħor, gwerra kontra oħra, żball wara żball ieħor. Il-politiċi, inklużi dawk Ewropej, għandhom ir-responsabbiltà lejn iċ-ċittadini tagħhom u s-sitwazzjoni preżenti żgur li mhiex tirrifletti x-xewqat ta’ kull wieħed u waħda minnha għalkemm napprezzaw is-sigurtà tagħna.
Din hija l-intervista ma’ Clint Flores…
Jien qiegħda nara li hemm periklu li l-gwerra fl-Ukrajna tinfirex u issa t-tensjonijiet u biża’ ta’ alleanzi possibbli żdiedu wara li ċ-Ċina ġiet akkużata mill-Istati Uniti l-ewwel bi spjunaġġ fl-incident tal-ballun u issa li se tforni l-armi lir-Russi. X’taħseb dwar dan?
Ara, nemmen li l-inkwiet tiegħek huwa l-istess bħal dak tal-Ewropej u anke tal-Maltin. Mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru jidher li l-Maltin u anke l-Ewropej, inkwetati ħafna li l-gwerra tal-Ukrajna toħroġ ‘il barra mit-territorju Ukren, jiġifieri fit-territorju Ewropew, kif ukoll li jkun hemm inċident nukleari. Fil-fatt, b’dak li ħabbar il-President Putin it-Tlieta li għadda li kien se jinqala’ ‘l barra mill-parteċipazzjoni tal-programm ‘New Start’ li jikkontrolla l-armi nukleari bi trattat li għandha mal-Istati Uniti u li l-gwerra se tkompli kemm hemm bżonn, l-affarijiet jidhru li se jeskalaw.
Mhuwiex normali li President tal-Istati Uniti jżur pajjjiż li għaddej minn gwerra li mhiex tiegħu, imma li qegħdin jagħtu assistenza sħiħa. Qed tidher li ried iwassal messaġġ b’saħħtu lir-Russja u anke liċ-Ċina, meta ħareġ jingħad anke mis-Segretarju tal-Istat, Anthony Blinken, li ċ-Ċina lesta tassissti lir-Russja b’armi. Iċ-Ċina qiegħda tiċħad dan kollu.
Naħseb ftit mill-inkwiet li għandhom kemm l-Istati Unit, kif ukoll l-Ewropej u n-NATO hija l-ħażna tal-armamenti li għandhom bħalissa u l-effiċjenza li terġa’ tipproduċi dawk l-ammonti f’qasir żmien biex tpaċi dak li tkun qiegħed tagħti f’assistenza.
Fuq il-blalen li splodewlhom, iċ-Ċina qalet li kienu biss qegħdin jieħdu t-temperaturi tal-klima, li l-użu tal-blalen kien wieħed ċivili u mhux militari. Iċ-Ċina ħasset li l-mod ta’ kif irreaġixxiet l-Istati Uniti kien wieħed sproporzjonat li wassal għar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi li tintilef il-fiduċja.
Wang għamilha ċara li l-pjan tagħhom huwa għall-paċi. L-Istati Uniti qisha trid din il-gwerra fl-Ewropa, li r-Russja titkisser u li Putin jispiċċa. Taqbel, għala u x-xenarju tara?
Naħseb li l-Unjoni Ewropea trid issa ovvjament li ma jkollhiex aktar dipendenza fuq ir-Russja. Din mhux se tinbidel għax il-fiduċja nkisret inkluż ir-relazzjonjiet tal-UE u r-Russja. Meta s-sena l-oħra qabel il-President Putin invada għidt li jekk din isseħħ se nkunu qegħdin ngħixu f’era ġdida. Għal dan kont qiegħed nirreferi, li llum qegħdin nesperjenzaw eżattament sena wara.
Mhux la kemm tiġġieled ma’ pajjiż u mhux la kemm tgħid li trid taqta’ r-relazzjonijet. Ir-Russja, storikament kienet ukoll alleata fil-gwerra kontra l-Ġermanja tant li għandha siġġu permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Bħalha, iċ-Ċina, li wkoll għandha siġġu permanenti. Bħalissa Malta għandha l-Presidenza ta’ xahar tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti u naħseb li għaddejja biċċa xogħol ftit delikata meta ħabtet eżatt fl-anniversarju tal-invażjoni tal-Ukranja. Aktar ma se jgħaddi żmien, aktar mhux se tibqa’ dipendenti fuq ir-Russja mil-lat ekonomiku, però, l-UE trid tirrealizza li r-Russja ġeografikament hemm se tibqa’ u rridu nibdew naħsbu kif se nitkellmu mar-Russja wara dim il-gwerra.
Jien nemmen li din il-gwerra se ttawwal u jekk il-President Putin se jibqa’ jtawwal, il-logħba se tkun ta’ x’se jispiċċa l-ewwel, bejn – il-ħażna militari u l-flus fl-ekonomija Ewropea u kif dawn se jaffettwaw is-soċjal u t-tensjoni fuq il-politiċi Ewropej li wara kollox qegħdin jieħdu d-deċiżjonijiet u jimbuttaw il-pajjiżi Ewropej għall-istess deċiżjonijiet.
Tul is-snin l-Istati Uniti dejjem kellha rwol jew anke kienet parteċipi fi gwerer li suppost ippuravaw jistabbilizzaw pajjiżi però spiċċaw iddistabbilizzawhom u saħansitra tkissru diversi pajjiżi. Kif qiegħda tiżvolġi din il-gwerra, l-UE qiegħda tappoġġja lill-Ukrajna bħala alleat. Temmen li hemm possibbiltà ta’ periklu li l-UE tidħol fil-gwerra jew inkella li tkun attakata? Temmen li l-Istati Uniti qiegħda tagħmel dan biex tiddistabbilizza lil ħaddieħor u huma jibqgħu b’saħħithom?
Naħseb f’dan il-każ kien hemm miskalkulazzjoni sħiħa ekonomika u nemmen li b’dak li qiegħed ikun fornut anke bħala artillerija u militar b’saħħtu ħafna, inkluż tankijiet ta’ ċertu kalibru, dan jista’ jsir biss għax l-Istati Uniti qiegħda tappoġġja bis-sħiħ lill-Ukrajna f’din il-gwerra, b’assistenza finanzjarja u militari b’saħħitha ħafna.
L-unika inkwiet li għandi huwa li jekk għada filgħodu l-Istati Uniti jfettilha li ma tibqax tagħti l-appoġġ lill-Ukrajna, speċjalment f’assistenza militari, għal raġunijiet diversi, inkluż li jinqaleb anke gvern minn partit għall-ieħor, l-UE se tkun skoperta f’dan kollu.
Tgħidli, x’qiegħed tgħid? F’Novembru tal-2024 se jsiru l-elezzjonijiet Presidenzjali tal-Istati Uniti. Nemmen li hemm ċans li l-affarijiet jinqalbu internament però għad fadal biex naċċertaw x’jista’ jiġri. Nemmen li sena u għaxar xhur itiru u għalhekk trid tara x’se jseħħ minn issa ‘l quddiem anke ekonomikament.
L-Unjoni Ewropea wkoll għandha l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju tal-2024 u jrid żgur ikun hemm Kummissjoni Ewropea ġdida. Hawn nittama ma tkunx waħda fejn nerġgħu naraw il-President attwali tiegħu sestensjoni tar-rwol, għax żgur li tkompli tgħaqqad l-affarijiet. Jekk l-Istati Uniti appoġġjaw, dan sar biss għax kien hemm imbottatura mill-UE, fejn ħatfu l-opportunità wkoll biex jaċċellaraw il-qalba l-ħadra. Rapporti li qegħdin joħorġu bħalissa qegħdin jgħidu li l-gwerra tal-Ukrajna, avvanzat l-aċċellerazzjoni tal-qalba l-ħadra b’10 snin. Xi jfisser? Dan ifisser li l-assenza tal-gwerra ma kinitx toħloq dan l-inċentiv.
Il-periklu li tista’ tkun involuta fil-gwerra jew li tiġi attakkata għax qiegħda tappoġġja apertament u tforni armamenti lill-Ukrajna, il-UE mhiex tarah? X’xenarju qiegħed tipprevedi?
Ovvjamnet li dan ix-xenarju l-Unjoni Ewropea qiegħda tarah tant li bħalissa qegħdin jiddiskutu kif se jħallsu għall-armamenti li qegħdin jagħtu lill-Ukrajna, tanti li qalu li dak huwa l-prezz li trid tħallas l-Ewropea u ċ-ċittadini għas-sigurtà u l-libertà tagħhom.
Ejja ngħidu li per prinċipju naqblu. Però, min qiegħed jieħu d-deċiżjonjiet irid ikun responsabbli ta’ għemilu u kontabbli lejn il-poplu. L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew is-sena d-dieħla se jsiru fi sfond ta’ gwerra li jista’ jkun li tkun għadha għaddejja. Mhux se tkun elezzjoni normali.
Din hija elezzjoni differenti mill-oħrajn. ‘Il quddiem tifhmu aktar x’qiegħed ngħid illum bħalma qegħdin tifhmu llum x’għidt is-sena li għaddiet qabel is-sanzjonijiet. Naħseb li s-sagrifiċċju jrid isir mingħand kulħadd u dawk ta’ fuq li qegħdin jaqilgħu salarji sporporzjonati meta tieħu l-effetti ekonomiċi u kif qegħdin jgħixu n-nies, solidarjetament, għandhom jitnaqqsu, irrispettivament minn kollox. Is-solidarjetà għandha tkun f’kollox u mhux biss buzz word.
Bl-għoli tal-ħajja n-nies qegħdin ibatu. Jekk il-gwerra tkompli, taħseb li l-prezzijiet se jkomplu jiżdiedu u jekk iva, il-UE għandha xi pjan ta’ pakkett finanzjarju biex tgħin liċ-ċittadini jlaħħqu mal-ħajja?
Naħseb li l-UE għandha tidħol kemm jista’ jkun malajr biex tgħin liċ-ċittadini Ewropej. Ma jistax ikun kif għidt fit-tweġiba ta’ qabel li jkollok min qiegħed jaqla’ madwar €25,000 u anke €30,000 fix-xahar fil-kuriduri tal-Kummissjoni Ewropea u mbagħad in-nies bil-kemm ikollhom x’jieklu.
Jekk għandu jkun hemm kejl tal-prestazzjoni tax-xogħol li qegħdin jagħmlu ta’ fuq, għandu jkun issa u mhux meta jkun hemm il-glorja, għax il-poplu bħalissa qiegħed jagħmel is-sagrifiċċju.
Tant hija mgħaffġa l-ħaġa li lanqas qabdu art minn fejn se jibdew jassitu lill-poplu Ewropew, għajr li tingħata assistenza lill-Ukrajna, bi flus li jmorru oltre dak li huma obbligati jħallsu l-membri stati.
Però, insejna pajjiżi oħra bħal-Libja u s-Saħel u l-Afrika li għandhom ukoll effett dirett fuq is-sigurtà Ewropea daqs u aktar mill-Ukrajna b’ħafna drabi. Il-prezzjiiet u l-indikaturi li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea għamlithom b’assunzjoni li l-gwerra tal-Ukrajina ma teskalax. Nagħlaq dwar dan… Ma jidhirx li minn hawn u ftit ġimgħat oħra, dan se jkun il-każ anke fid-dawl li l-President Putin mhux se jibqa’ parteċipi fit-trattat fuq in-Nukleari.
Kif ġraw l-affarijiet qisu kollox kien ippjanat…
Il-midja tal-Punent, l-għeluq tal-kanali Russi u l-libertà tal-espressjoni
Putin qiegħed jirribatti li kienu ilhom tmien snin jinqatlu Russi fl-Ukrajna u li ma setgħux jaċċettaw li dan isir aktar. però, il-bqija tad-dinja jew ma tafx dwar dan jew ma temmnux. Hawn tidħol is-saħħa tal-informazzjoni mill-midja imma… dik tal-Punent qiegħda twassal l-istampa kollha?
Clint Flores qal li l-President Putin fuq din ma kienx kompletament korrett. “Jista’ jkun li kien hemm xi oppressjonijiet min-naħa ta’ awtoritajiet Ukreni li t-territorju jaqa’ taħthom fuq Russi li jgħixu fil-maġġoranza f’dawn it-territorji, però l-gwerra ma nqalgħetx għalhekk.
Nemmen li l-President Putin ma ħafirha qatt lil Bolsheviks, speċjalment lil Nikita Khrushchev li kien qata’ t-territorju tal-Krimea minn art tal-Federazjzoni Russa għal dik tal-Urkajna, li xorta kienet taqa’ taħt tal-Unjoni Sovjetika. Putin ried dik l-art lura u annessaha fl-2014.
Fil-fatt, naħseb li anke l-waqfien mill-ġlied fl-2014 u l-Akkordi ta’ Minsk kienu biss illużjoni maħsuba biex jingħataw biżżejjed ċans l-Ukrajni li jħarrġuhom u jirreżistu lir-Russja. L-eks Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, affermat dan u meta sema’ hekk, il-President Putin qal li ħassu mqarraq.
Illum nemmen bi sħiħ li kif ġraw l-affarijiet huwa ovvju li kien hemm kollox maħsub għax il-konċidenzi huma wisq perfetti biex taħseb mod ieħor. Il-midja tal-Punent se twassal dak li taħseb huwa relevanti għad-demokraziji tagħha. Li dejjaqni f’din kollha hija li għalqu l-kanali Russi fil-UE għax iddeċiedew huma li r-Russi għaddejjin b’kampanja ta’ diżinformazzjoni.
Ejja ngħidu li huwa minnu. Però, kont inħalli liċ-ċittadini Ewropej jevalwaw x’inhu minnu u x’mhux. Ma tista’ qatt taqta’ ħesrem midja Russa għax iddeċiedew li jaqtgħu kollox minn fuq. Wara kollox, jekk temmen fil-libertà tal-espressjoni ħalliha u jiddeċiedi l-poplu x’jipproċessa u x’jemmen. Ma nafx għalfejn dan l-inkwiet kollu minħabba l-midja li mhiex tal-Punent”.