Il-Gvern qed jinvesti b’mod konkret fl-innovazzjoni u s-sostenibbiltà permezz tat-tnedija tal-Proġett RACE – Recycling Abattoir by-products for Construction Materials Engineering, inizjattiva li se tħares lejn l-użu ta’ prodotti sekondarji tal-biċċerija biex jinħolqu materjali tal-kostruzzjoni ta’ prestazzjoni għolja. Dan il-proġett, b’investiment ta’ €350,000, huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u qed isir fi sħubija bejn il-Biċċerija Pubblika, l-Università ta’ Malta u l-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjali.
Dan tħabbar waqt żjara fil-Biċċerija Pubblika, fejn il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi ltaqgħu mar-riċerkaturi u r-rappreżentanti tas-setturi involuti fil-proġett. Ġie spjegat kif il-proġett qed jiffoka fuq ir-riċiklaġġ ta’ suf tal-ħnieżer u għadam, li flimkien jammontaw għal madwar 3.7 tunnellati ta’ skart kull ġimgħa, skart li bħalissa jintbagħat għall-inċinerazzjoni.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo qal li dan il-proġett jirrifletti l-viżjoni tal-Gvern li jsaħħaħ l-innovazzjoni fil-qalba tas-settur agrikolu u fl-industriji relatati. “Il-proġett RACE huwa xhieda ċara ta’ kif Malta tista’ tmexxi b’kuraġġ u ħsieb lejn ekonomija moderna u sostenibbli,” qal il-Ministru Refalo.
“Qed nieħdu sfida reali, l-immaniġġjar tal-iskart, u qed nagħmluha opportunità ta’ valur. Dan mhux biss juri r-riżultat ta’ impenn kollettiv bejn is-settur pubbliku, xjentifiku u dak tar-raħħala u li pajjiżna kapaċi joħloq soluzzjonijiet oriġinali u li jservu ta’ mudell għal oħrajn. Il-proġett jikkonferma li l-agrikoltura tagħna għandha rwol strateġiku fil-ħarsien tal-ambjent u fil-bini ta’ futur aktar b’saħħtu u sostenibbli għall-komunitajiet kollha tagħna,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-proġett RACE huwa eżempju ċar ta’ kif l-innovazzjoni u l-użu effiċjenti tal-fondi Ewropej jistgħu jittrasformaw sfidi f’opportunitajiet ġodda għall-pajjiż. Huwa spjega li permezz ta’ dan il-proġett, prodotti li normalment jitqiesu bħala skart li trid tħallas biex tiddisponi minnhom, issa se jkunu qed jintużaw bħala prodott sekondarju li jista’ jinbiegħ bħala component għal konkos sostenibbli, b’benefiċċju għall-ambjent u għar-raħħala.
“Permezz tal-fondi tal-Politika Agrikola Komuni qed inħeġġu soluzzjonijiet li jgħaqqdu r-riċerka mal-prattika. Dan il-proġett juri kif l-innovazzjoni u s-sħubija bejn istituzzjonijiet pubbliċi, bdiewa u riċerkaturi jistgħu joħolqu valur reali kemm għas-settur agrikolu kif ukoll għall-industrija tal-kostruzzjoni,” sostna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Il-proġett RACE se jindirizza b’mod doppju kemm l-isfida tal-immaniġġjar tal-iskart tal-Biċċerija kif ukoll l-impatt ambjentali tal-materjali tal-kostruzzjoni. L-inizjattiva se tikkontribwixxi għal industriji aktar nodfa, mudell ta’ produzzjoni aktar sostenibbli u opportunitajiet ġodda ta’ valur miżjud fis-settur agrikolu u tal-kostruzzjoni.

