Saturday, December 21, 2024

“Innutajt kalma… Manuvra żbaljata setgħet tikkawża diżastru naturali” – Tug Master Mark Muscat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar numru ta’ uffiċjali kienu involuti f’operazzjoni delikata li mal-iċken żball tista’ tikkawża diżastru naturali. Sa mill-bieraħ filgħodu, fil-midja bdew jispikkaw ritratti tat-tanker Chem P li spiċċa f’diffikultà kawża tal-maltemp ’il barra minn San Pawl il-Baħar.

F’kumment lil dan is-sit t-Tug Master Mark Muscat spjegalna aktar mill-qrib dwar il-ħidma delikata li għaddejja. Qalilna li sfortunatament fl-aħħar sigħat kien hemm ħafna “esperti” li lmentaw li l-operazzjoni qiegħda tieħu ħafna ħin.

“Sfortunatament faċli tikkummenta. Nista’ nitkellem għax kont hemm. Kienet sitwazzjoni delikata u kumplessa ħafna. Ma tistax tiddeċiedi qabel issir l-analiżi tar-riskju. Minn naħa l-oħra stajt ninnota li l-esperjenza lagħbet parti kruċjali minn din il-ħidma. Kemm il-kaptan tat-tanker kif ukoll dawk tat-Tug Malta li assistew bil-laneċ ‘Spinola’, ‘St Elmo’, u ‘Vittoriosa’, dehru kollha kalmi quddiem din is-sitwazzjoni u dik timlik b’kuraġġ dwar il-kapaċitajiet li għandna”, jispjega Muscat.

Spjegalna li l-awtoritajiet kellhom il-ħsieb li jirmunkaw it-tanker lejn Popeye Village lejn żona aktar kennija iżda wara konsultazzjonijiet li saru l-Harbour Master David Bugeja ddeċieda li ma kienx hemm lok ta’ riskju u l-aħjar deċiżjoni kienet li dan jiġi miżmum mit-tug boats fil-post sakemm jikkalma t-temp.

Minn din id-deċiżjoni bdiet ħidma biex jingħata s-sapport meħtieġ. Jgħidilna li f’dak il-maltemp mhux faċli timmanuvra u li t-tug boats li qegħdin marbutin madwar 400 metru bogħod minn kull naħa tal-vapur setgħu jagħmlu dan wara operazzjoni li ħadet numru ta’ sigħat. Is-sitwazzjoni mhijiex waħda faċli u anke l-fatt li kien hemm ħsara fl-ankra u l-possibbiltà li tinħoloq ħsara fl-interconnector kompliet tikkumplika s-sitwazzjoni.

Muscat tkellem dwar l-importanza tal-investiment fil-flotta Maltija li hija fost l-aqwa fl-Ewropa. Din kienet ta’ għajnuna kbira għal dawn in-nies li xogħolhom huwa li jassistu l-vapuri anke fuq distanzi ta’ kilometri twal. It-tug boats li qegħdin jgħinu lit-tanker huma b’saħħithom immens, iżda d-deċiżjoni li jintużaw tnejn kienet waħda maħsuba biex f’każ li jinqala xi imprevist minħabba l-qawwa tal-baħar, jiġi evitat diżastru naturali.

Muscat qalilna li ntużaw wire ropes minħabba li f’dan il-każ ma setax jittieħed is-sogru li jintużaw is-sintetic ropes, anke jekk dawn għandhom ċertu saħħa. Wara din id-deċiżjoni kien hemm il-ħsieb li t-tanker jinsab f’baħar baxx u għalhekk il-qawwa tiegħu tista’ tkun aktar perikoluża minħabba li l-mewġ jogħla ħafna iżjed malajr, b’riskju akbar li jikkawża ħsara irreparabbli.

Huwa temm jirringrazzja lit-tim kollu li hemm jassisti fuq il-baħar kif ukoll dawk li qegħdin iwettqu l-komunikazzjonijiet neċessarji mill-art. Fost dawk kollha involuti kien hemm uffiċjali minn Tug Malta, minn Transport Malta (TM) u dawk mill-Valletta Traffic System (VTS).

Ekonomija

Sport