Tuesday, April 30, 2024

Inqabad f’maltempata spiċċa bla ankri, ittieħed il-Libja u mhux magħruf x’ġara minnu

L-għibien tal-bastiment MV Sun Oil 1 - kien ħarab mil-Libja

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-saga tal-bastiment MV Sun Oil 1, li kien bastiment li kien jintuża għall-fjuwil, liema saga spiċċat b’kawża fil-Qorti bejn Mediterranean Samac Company u La Valletta BTZ Trading Limited kontra Harbour Fuels Limited, li kienet kriet il-bastiment. Il-kawża kienet biex ikun ritornat il-vapur li lura għall-bidu tas-sena 2015 inżamm mil-Libjani, fen l-ekwipaġġ anke għamlu 10 xhur miżmumin hemm.

Il-bastiment, jidher li f’xi żmien fis-sena 2014 kien ħarab mil-Libja, u wara li będą jitħaddem għal xogħol ta’ bunkering kien inqabad f’maltempata u spiċċa mimngħajr l-ankri. Il-Kaptan kien talab għal għajnuna u kien irmunkat lejn il-Libja peress li kien jinsab fin-nofsinhar ta’ Malta. Il-Libjani, jidher li kienu għarfu l-bastiment u żammewh, bil-bastiment baqa’ ma ġie ritornat. Mediterranean Samman Company u La Valletta BTZ fetħu proċeduri kontra Harbour Fuels biex tirritorna l-bastiment iżda l-Qorti ddikjarat li Harbour Fuels mhix responsabbli għal dan.

L-aħħar li ra l-bastiment kien f’Novembru tas-sena 2014

F’sentenza li ngħatat fil-Qorti, Albert Tabone fl-affidavit tiegħu jgħid li hu kien direttur tal-kumpanija La Valletta BTZ Trading Limited fi żmien li nqalgħet il-kwistjoni. Jgħid li BTZ Trading Limited hija proprjetarja tal-bastiment MV Sun Oil 1 flimkien ma’ Samac Company Limited, liema bastiment kien l-aħħar irreġistrat fir-Repubblika tal-Moldova. Jispjega li l-aħħar li ra l-bastiment kien f’Novembru tas-sena 2014 meta fdawh f’idejn Alan Bruno Olivier bħala rappreżentant tas-soċjetà konvenuta.

Jgħid li Alan Bruno Olivier kien qiegħed ifittex bastiment għan-negozju ta’ bunkering li kellu u s-soċjetà konvenuta kellha liċenzja valida maħruġa mill-awtoritajiet Maltin biex tagħmel xogħol ta’ bunkering. Jispjega li l-bastiment kien tajjeb għall-baħar u kellu t-tagħmir neċessarju biex iġorr iż-żjut. Jgħid li ddiskutew ma’ Alan Bruno Olivier li bagħat il-proposta ta’ Time Charter Agreement fejn Harbour Fuels kienet ser tikri l-bastiment għal perjodu ta’ sitt xhur bi ħlas ta’ €32,000, mentri l-pagi tal-ekwipaġġ kellhom jitħallsu minn BTZ Valletta u s-soċjetà konvenuta kellha tkun responsabbli għall-bunkers u l-affarijiet neċessarji l-oħra. Jgħid li l-proposta ġiet aċċettata u għalhekk intlaħaq ftehim ta’ kiri tal-bastiment.

Jgħid li Harbour Fuels kienet mgħagġla biex tibda topera u huma avvżaw lil Alan Bruno Olivier li l-bastiment kien ikun lest biex ibaħħar lejn l-aħħar ta’ Novembru. Jispjega li kienu ġew mgħarrfin mid-‘designated person ashore”, Keith Murphy, bħala rappreżentant ta’ KS Shipping Malta li Harbour Fuels kienet issupplixxiet madwar 10MT ta’ bunkers fuq il-bastiment għall-użu tagħha stess kif ukoll 5MT oħra sabiex jiġu kkonsenjati lill-vapur ieħor, MT Basbosa.

Jispjega li meta ġara dan, l-unika dokument li kien jeżisti bejn il-partijiet kienet il- proposta li ġiet iffirmata minn Alan Bruno Olivier u li huma aċċettaw. Jgħid li huma xtaqu dokument aktar formali u nformawhom dwar dan u bagħtu abbozz fl-4 ta’ Diċembru tas-sena 2014 li baqa’ ma ġiex iffirmat. Jgħid li fil-frattemp il-bastiment kien f’idejn Harbour Fuels li ħallsu l-ewwel pagament għaż-żmien bejn id-19 ta’ Novembru u t-18 ta’ Diċembru 2014.

Jgħid li f’dan il-waqt Harbour Fuels kienet qed topera hi l-bastiment u kellha l-kontroll tal-bastiment u jiġifieri l-kaptan tal-bastiment għalkemm imħallas mis-soċjetajiet attriċi ma setax jirrifjuta l-ordnijiet ta’ Harbour Fuels.

Il-bastiment inqabad f’tempesta u tilef l-ankri

Jispjega li fit-2 ta’ Jannar tas-sena 2015 ġew informati minn Keith Murphy li fil-lejl bejn il-31 ta’ Diċembru 2014 u l-1 ta’ Jannar 2015, il-bastiment ġie maqbud f’tempesta, tilef iż-żewġ ankri u kien qiegħed lejn in-Nofsinhar ta’ Malta bla fjuwil. Jgħid li skont Murphy il-bastiment ġie rmonkat minn tugboat Taljana lejn il-Libja u talbu sabiex jingħata l-fjuwill iżda rriżulta li l-bastiment u l-ekwipaġġ kienu ġew arrestati u miżmuma milli jitilqu mil-Libja.

Jgħid li Harbour Fuels kienet negliġenti għax naqset milli żżomm il-bastiment fornit bil-bunkers meħtieġa u kieku kellu l-fuel ma kienx ikun hemm in-neċessità li jiġi rmonkat lejn il-Libja. Jispjega li l-bastiment għadu fil-port ta’ Tripoli. Jgħid li jidher li saru allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Harbour Fuels li kienet involuta f’kuntrabandu tad-diesel u mhux informat dwar xi proċeduri hemm u fiex waslu.

Jispjega li meta ġara dan kienu talbu spjegazzjoni lill-Harbour Fuels li assigurawhom li kienu ser jagħmlu minn kollox biex jeħilsu kemm-il bastiment u kif ukoll l-ekwipaġġ. Jgħid li kienu jiltaqgħu spiss ma’ Keith Murphy u Alan Bruno Olivier u kienu jikkomunikaw mal-familjari tal-ekwipaġġ, l-awtoritajiet Rumeni (minħabba li kien hemm membru mill-ekwipaġġ Rumen) u l-aġent tagħhom fil-Libja Seepia sabiex iseħħ ir-rilaxx. Jgħid li l-aġent tagħhom kien qabbad Avukat Suleiman Ramanadan Almesli sabiex jirrappreżenta l-interessi tagħhom fil-Libja.

Jgħid li l-ekwipaġġ eventwalment ġie meħlus u Harbour Fuels ħallset għar- ripatrijazzjoni tagħhom. Jispjega li kienu ġew meħlusa minn akkużi ta’ kuntrabandu taż-żjut iżda l-akkużi ma kinux jgħidu li l-bastiment kien involut iżda baqa’ ma ġiex ritornat.

Fil-kontro-eżami ikkonferma li l-bastiment tilef iż-żewġ ankri tiegħu kawża tal-maltemp, iżda jgħid li xorta seta’ jiġi navigat għax kellu l-magni u mingħajr ankri l-vapur xorta jista’ jsuq. Jgħid li l-ankri kien għadhom ġodda għax saru xi tlett xhur qabel. Jgħid li l-vapur kif kien mingħajr ankri seta’ jiġi lura Malta.

Jispjega li r-raġuni għala l-vapur ġie rmunkat kienet għax spiċċa bla fjuwil. Jikkonferma li f’korrispondenza li ta kienet minħabba n-nuqqas t’ankri iżda jgħid li għamel dan sabiex il-vapur jingħata permess jitlaq mingħajr ankri. Jikkonferma li l-vapur ġie rmunkat fuq struzzjonijiet tal-Kaptan.

Mistoqsi jekk kienx il-bastiment jew Bruno Olivier li kien involut fit-traffikar tad-diesel, jikkonferma li kien il-vapur. Jgħid li huma ma daħlux fil-kwistjoni l-Libja ħlief li qabdu aġent u dana minħabba li Bruno Olivier ħa ħsieb u aċċetta li jħallas kollox hu. Mistoqsi għala jidher ismu fuq id-dokumenti relattivi, jgħid li hu ma rax l-imsemmija dokumenti.

Jispjega li meta l-vapur u l-ekwipaġġ kienu maqbudin, huma taw l-awtorizzazzjoni tagħhom għall-aġent, li kien Sapia Company Limited, iżda l-ispejjeż ħallashom kollha Bruno Olivier. Jgħid li huma żammew kuntatt mal-aġent li kien tahom id-dettalji tal-Avukat imqabbad minn Bruno iżda kien diffiċli ħafna li jagħmlu kuntatt mal-istess avukat.

Jikkonferma li l-proċeduri kienu kontra l-vapur u l-ekwipaġġ dwar suspett ta’ kuntrabandu ta’ fjuwil. Jgħid li sa fejn jaf hu ma kien hemm ebda evidenza u l- ekwipaġġ ħareġ liberat.

Mistoqsi r-raġuni għala kien qed iħallas kollox Bruno Olivier, jgħid li dan kien għaliex kien responsabbli ta’ dak kollu li kien qed jiġri u hu kien jaf x’kien għaddej. Jgħid li fil-fatt Bruno Olivier lilu qatt ma tah xejn.

Mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet fl-affidavit tiegħu fir-rigward li Bruno Olivier kien involut f’kuntrabandu, jgħid li kien hemm xniegħa u sa fejn jaf hu kuntrabandu ma kienx isir.

Jgħid li huma baqgħu jistennew li l-vapur jiġi rilaxxat għax Bruno Olivier kien jgħidilhom li ser jiġi rilaxxat la ma kienx hemm akkuża fuq il-vapur. Jgħid li ppruvaw jġibu l-għajnuna mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin iżda dawn ma setgħux jgħinu la darba l-vapur m’għandux bandiera Maltija.

Fix-xhieda tiegħu, Keith Murphy jgħid li xogħlu hu li jagħti servizz biex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw il-bastimenti. Mistoqsi meta waqfu jagħtu s-servizz il-bastiment fejn kien, jgħid li kien weħel fil- port tal-Libja, iżda ma jafx f’liema port. Jgħid li hu kien ikkomunika mas-soċjetajiet attriċi minħabba l-ekwipaġġ għax kien hemm mistoqsijiet dwarhom mill-familjari tagħhom. Jikkonferma li kien hu li sab lill-ekwipaġġ.

Mistoqsi jekk meta l-bastiment għadda f’idejn ħaddieħor kienx konxju ta’ min qed imexxi, jgħid li huma l-interess tagħhom kien li l-bastiment ikollu ċ-ċertifikat skont il-liġi marittima. Jispjega li l-kuntratt tiegħu kien ma’ Albert, Pawlu Piscopo u David u x-xogħol kien jikkonsisti fid-‘day to day running’ tal-bastiment, ċertifikati, l-equipment li jkun fuq il-bastiment li jkun fi stat tajjeb u li ma jkunx hemm affarijiet skaduti. Jikkonferma li sakemm kien qed jagħmel dax-xogħol kollox kien up-to-date.

Mistoqsi dwar x’ġara biex il-vapur waqaf Tripli jgħid li kien hemm xi maltemp u l-bastiment kellu xi problemi fil-magna u ma setax ikompli l-vjaġġ tiegħu bil-konsegwenza li spiċċa fl-ibħra Libjani. Jgħid li l-problema kienet l-ekwipaġġ li safa’ maqbud u wara xi għaxar xhur ġew liberati. Jgħid li ma kienx involut sabiex ġew liberati.

Jgħid li ma kienx għadu responsabbli għall-ekwipaġġ però kien inkwetat u kompla jagħmel pressjoni fuq is-sidien sabiex l-ekwipaġġ jiġi rilaxxat. Jgħid li wara Jannar 2015 ma seta jagħmel xejn. Jgħid li ma jafx x’wassal sabiex ġew meħlusa. Jgħid li l-bilanċi li kellhom pendenti mas-servizzi u supplies li kienu taw lill-bastiment tħallsu minn Harbour Fuels.

Fil-kontro-eżami jikkonferma li fil-kwistjoni tar-rilaxx tal-ekwipaġġ iktar sabu koperazzjoni minn Harbour Fuels milli dawk attriċi. Jgħid li mill-informazzjoni li għandu Bruno Olivier kien ħallas sabiex l-ekwipaġġ ikunu jistgħu jirritornaw lejn pajjiżhom, kif ukoll il-paga lilhom dovuta.

Fix-xhieda tiegħu Alan Bruno Olivier jgħid li fl-2012 kien beda karriera bħala konsulent fil-bunkering f’Malta u kien direttur tal-kumpanija MI Bunkers Malta Limited li kienet tispeċjalizza f’bunker trading f’Malta, Ċipru u Ġibiltà. Jispjega li kienu wkoll distributuri lokalment fil-Freeport b’kuntratti esklussivi ma’ CMA, GEM u MERSC. Jgħid li ftit wara ġew ikkuntattjati minn diversi aġenti Libjani li xtaqu jagħmlu l-istess mudell ta’ Malta fil-Libja jiġifieri bunkering lill-vapuri, container vessels u simili. Jgħid li kienu interessati fiha għax b’hekk kien ikollhom il-baħar Mediterran kollu u għalhekk tefgħu l-interess tagħhom ma’ shipping brokers li qed ifittxu bastiment u kien ikkuntattjah Albert Tabone li kellu bastiment li kien li kellhom bżonn.

Jispjega li Albert Tabone kien qed jirrappreżenta lil BTZ Limited li kienet il-kumpanija tiegħu li kellha l-basiment Sun Oil 1. Jgħid li hu kien wera x-xewqa li jbiegħ il-bastiment minħabba li kellu diversi kwistjonijiet mal-kollega tiegħu Paul Piscopo. Jispjega li huma ma kellhomx intenzjoni jixtru bastiment iżda biss jikru u għalhekk ftehmu li jagħmlu tmien vjaġġi bi prova imbagħad jimxu minn hemm.

Jgħid li fil-frattemp, permezz tal-aġent Keith Murphy, tlesta kollox biex jinxed l-ewwel vjaġġ lejn il-Libja fejn kellu jsir ship to ship ma’ tanker li kellu jkun qrib pożizzjoni indikata mill-mother company li kienet xtrat il-konsenja ħalli jimtela’ – imbagħad b’dik il-konsenja kellhom jmorru fuq ir-riggijiet iqassmu lill-generators tar-riggijiet. Jispjega li fl-aħħar ta’ Diċembru tas-sena 2014 kien għamel maltemp qawwi ħafna u l-bastiment Sun Oil tilef iż-żewġ ankri u kellu joqgħod fuq il-magni fil-mewġ.

Jgħid li l-bastiment kien jinsab bejn Malta u l-Libja u safa’ anke bi ħsarat fil-magna, stante li l-maltempata damet madwar ħmistax. Jispjega li għamlu tentattivi sabiex isiru bunkers ħalli jkollu l-fjuwil u jibqa’ għaddej iżda dan ma kienx possibli. Jgħid li kien tkellem ma’ sid il-vapur, permezz tal-aġent, li kien viċin sabiex jirmunkah lejn Malta iżda l-Kaptan ipprefera li jgħajjat de stress call u jiġi rmunkat lejn l-eqreb art, jiġifieri l-Libja u fil-fatt kien hemm bastiment ta’ appoġġ Taljan fil-viċin u dan assista lill-bastiment lejn Tripoli.

Jispjega li meta wasal il-Libja kienu rranġaw li l-vapur jingħata l-fjuwil u l-vapur kien lest sabiex jitlaq mil-Libja flimkien ma’ xi bugħaddasa li kienu ser jirkuprawlha l-ankri. Dan kien ġie kkordinat minn Keith Murphy ma’ Sepea Shipping Agency. Jikkonferma li sadanittant is-sid kien dejjem abdika mill-obbligi tiegħu lejn il-bastiment. Jispjega li fil-ħin li l-bastiment kien skedat biex jitlaq niżlu l-uffiċjali tad-Dwana u tal-armata Libjana sabiex jirrilaxxaw il-vapur u f’dak il-ħin wieħed mill-ekwipaġġ qalilhom li fil-passat kienu marru kemm-il darba jgħabbu l-fuel illegalment u konsegwentement ġew arrestati. Jgħid li l-bastiment meta kien f’idejn Albert Tabone u Piscopo kellu ċertu passat.

Jgħid li kien tkellem ma’ Albert Tabone u nfurmah bl-istat tal-vapur u jispjega li ma kienx id-dmir tagħhom li jidħlu fil-kwistjoni kollha li jeħilsu l-vapur u jidħlu fi proċeduri legali. Jispjega li kien daħal fiha minħabba li ma riedx jabbanduna lill-ekwipaġġ u fil-fatt l-ispejjeż għalkemm għamilhom hu, kien kollha off-hire. L-ispejjeż kienu jinkludu il-ħlas ta’ €50,000 bil-quddiem sabiex tqabbad avukat Libjan sabiex jirrappreżenta lil BTZ fil-Qorti.

L-ekwipaġġ kien ġie meħlus wara 10 xhur

Jgħid li eventwalment l-ekwipaġġ kien ġie meħlus iżda l-bastiment baqa’ miżmum mill-awtoritajiet. Jispjega li kienu ltaqgħu b’urġenza f’ħanut f’Marsaxlokk u għal din il-laqgħa kien hemm Albert Tabone, Paul Piscopo u persuna ta’ nazzjonalità Taljana Massimo Perozza li kien qal li l-bastiment kien tiegħu u li ried kumpens għalih u ġie mitlub li jħallas il-valur tal-bastiment u hu kategorikament irrifjuta milli jagħmel dan.

Mistoqsi dwar il-passat li kellu l-vapur jgħid li dan jirreferi għall-perjodu bejn Ġunju u Settembru 2014. Jispjega li mit-transcripts tal-Qrati Libjani rriżulta li l-awtoritajiet Libjani kienu żammew il-vapur xhur ilu u dan kien ħarab matul il-lejl lejn Malta. Jgħid li mill-istess transcript jirriżulta li l-bastiment inżamm għal żewġ raġunijiet, jiġifieri wara x-xhieda tal-ekwipaġġ li ġarrew fjuwil illegalment u wkoll għax uffiċjal Libjan kien għaraf il-bastiment fuq suspett tal-istess traffikar u ħarrbuh mal-lejl.

Jispjega li in segwitu għal li ġara kien issejjaħ f’laqgħa u ffirma karta mas-Sur Tabone u Piscopo fejn ħallas €25,000 għas-saldu. Mistoqsi r-raġuni għalfejn għamel dan il-ħlas, jgħid li għax ried jaqta’ minn magħhom darba għal dejjem. Jgħid li l-imsemmija somma ħallasha lil terzi li kienu kredituri ta’ Tabone u Piscopo. Jispjega li ftit jiem wara rċieva ittra uffiċjali.

Jgħid li minn meta l-vapur telaq minn Malta ħallsu kollox huma. Jispjega li l-vapur intbagħat lejn il-Libja u kellu xi xogħol għal rig iżda minħabba l-maltemp ma setax isir u baqa drifting sakemm ikun jista’ jagħmel dan meta sfatlu l-ħsara. Jispjega li huma talbu sabiex il-vapur jitressaq iżda la darba tilef l-ankri u kien hemm problema fil-magna ma setax isir dan. Jikkonferma li sakemm tilef l-ankri kellu jkun x’imkien ankrat. Jgħid li kienet responsabbilità tagħhom li jissupplixxu l-fjuwil iżda l-maltemp għamilha impossibli li jsir dan u filfatt la darba daħal il-Libja għamlu kull ma setgħu jiġifieri taw il-fuel, sewwew il-ħsarat u anke ħejjew sabiex jiġu rkuprati l-ankri. Jikkonferma li huma kienu responsabbli sabiex iħallsu l-bunkers tal-bastiment iżda minħabba l-maltemp u l-ħsarat ma setgħux iressquh lejn il-bunkers.

Mistoqsi jafx fejn jinsab il-bastiment jgħid li sa fejn jaf hu għadu Tripoli, sal-2017 ċertament li kien għadu hemm iżda ma jafx f’liema kundizzjoni jinsab.

Harbour Fuels bl-ebda mod mhi responsabbli….anzi għamlet l-almu tagħha biex tħallas l-ekwipaġġ

Il-Qorti innotat li fil-fatt Harbour Fuels mhux talli mhi bl-ebda mod responsabbli tal-fatt li l-vapur ġie arrestat talli kienet hi li għamlet l-almu tagħha sabiex l-ekwipaġġ ġie meħlus mill-arrest, filwaqt li hu ċar li s-soċjetajiet attriċi m’għamlu xejn sabiex l-ekwipaġġ u l-kaptan tagħhom stess jiġu rilaxxati, u lanqas ma ħadu azzjoni mal-awtoritajiet Libjani sabiex il-vapur innifsu jiġi restitwit.

Fis-sentenza intqal li “għalhekk din il-Qorti, in vista tal-kunsiderazzjonijiet magħmula, ma tista’ bl-ebda mod issib li Harbour Fuels hi b’xi mod responsabbli sabiex tirritorna l-bastiment pattwit u dan primarjament għax mhux qiegħed fil-pussess tagħha, u dwar dan hemm qbil bejn il-partijiet. Apparti dan bit-time charterparty r-responsabilità aħħarija tal-bastiment u l-ekwipaġġ u l-pussess tal-istess huma tas-sid u għalhekk il-bastiment qatt ma kien fil-pussess ta’ Harbour Fuels. Ma’ dan hemm l-arrest tal-bastiment mhu bl-ebda mod attriwibbli lil Harbour Fuels – u għalhekk tiċħad l-ewwel talba attriċi safejn din tikkonċerna r-ritorn tal-bastiment. Il-Qorti qed issib illi Harbour Fuels għandha tiġi dikjarata ħielsa minn kull obbligu ta’ ħlas tal-kera u minn kull obbligu ta’ ħlas ieħor b’konsegwenza tal-istess ftehim bejn il-partijiet u għalhekk ser tgħaddi biex tiċħad ukoll l-ewwel parti tal-ewwel talba attriċi.”

Sport