Saturday, April 27, 2024

“Inqabżet linja li ma kellhiex tinqabeż”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici jattakka l-kumment omofobiku minn Fr David Muscat

Il-kumment omofobiku minn Dun David Muscat fuq il-midja soċjali b’rabta mas-suspett agressur fil-qtil ta’ Paulina Dembska fejn qal li tkun omosesswali huwa agħar milli mxajtan, wassal għall-bżonn ta’ apoloġija mill-Arċisqof Charles Scicluna u twissija formali fil-konfront tal-istess saċerdot. Dan wara li l-istess kumment kien ikkritikat u anke kundannat bil-kbir kemm mill-pubbliku, kif ukoll minn organizzazzjonijiet bħall-MGRM u personalitajiet politiċi. Fost dawn tal-aħħar li kkundannaw il-kliem omofombiku estrem minn Fr Muscat huwa l-Ministru għall-Ugwaljanza, Owen Bonnici, fejn pubblikament iddikjara li d-diskors li għandu l-għan li jiżra’ ż-żerriegħa tal-mibgħeda m’hawnx postu f’pajjiżna “hu min huwa, jgħidu min jgħidu, fil-konfront ta’ kull min jgħidu”.

“Ma jistax ikun li wieħed jgħid diskors li l-għan tiegħu huwa ta’ mibgħeda jew jinċità xi tip ta’ sentiment negattiv fuq minoranza f’pajjiżna”

IL-MINISTRU OWEN BONNICI

Dwar il-kumment inaċċettabbli fil-konfront tal-komunità LGBTIQ+ mill-qassis mill-Mosta, il-Ministru Bonnici qal li l-kliem wieħed jgħidu bla diffikultà imma l-konsegwenzi hemm qegħdin u l-konsegwenza għall-fundaliżmu hija ż-żerriegħa tal-mibgħeda. 

Il-Ministru għall-Ugwaljanza sostna li, “dak li qal dan is-saċerdot huwa serju. Hemm linja li ma tistax tinqabeż. Hemm linja ta’ kliem ta’ mibegħda li mhijiex aċċettabbli u dik il-linja nqabżet. Jien nitlob li l-awtoritajiet jieħdu d-deċiżonijiet li għandhom jieħdu għax ma jistax ikun li wieħed jgħid diskors li l-għan tiegħu huwa ta’ mibegħda jew jinċità xi tip ta’ sentiment negattiv fuq minoranza f’pajjiżna”. 

Bħalma huma fil-politika mdorrijin bis-swaba’ ppuntati lejhom u “jippuntaw ħafna swaba’ lejna, illum jien qiegħed nagħmel xi ħaġa differenti. Illum qiegħed inkun ċar li dan it-tip ta’ diskors qabeż il-linja mija fil-mija u huwa assolutment inaċċettabbli,” temm bi twissija l-Ministru Owen Bonnici.

Sport