Saturday, October 26, 2024

INQAS KRIMINALITÀ ĠABET AKTAR SIGURTÀ?

Aqra wkoll

Figuri li ġew ippubblikati ftit tal-jiem ilu jindikaw li l-ħidma tal-awtoritajiet qed tħalli frott tant li r-reati kriminali kulma jmur qed jonqsu. Anke jekk wieħed iqis il-fatt illi reati ta’ omiċidji li seħħew bejn l-2018 u l-2022 kienu solvuti kollha. Fl-istess waqt, jirriżulta li r-reati ta’ omiċidji baqgħu fl-istess livell, ta’ 1.7% għal kull 100,000 persuna bejn l-2004 u l-2022.

Fis-sena 2022, Malta rreġistrat kważi 15,000 reat kriminali u dan f’popolazzjoni li qabżet sew in-nofs miljun. Dan ifisser li s-sena l-oħra r-reati kriminali naqsu b’5.4% minn dik tas-sena ta’ qabel filwaqt li kienet reġistrata l-inqas rata ta’ reati kriminali f’inqas minn 15-il sena. 

Biex wieħed jagħraf aktar is-siwi tal-ħidma li qed issir kontra l-kriminalità wieħed għandu jżomm f’rasu li l-għadd ta’ nies li qed jgħixu Malta qiegħed dejjem jiżdied. B’daqshekk ma rridux ninftehmu li qed nitfgħu xi ħtija fuq persuni barranin li qed jgħixu Malta. 

Imma li jinteressa lill-komunità kollha huwa li r-reati qed jonqsu u allura s-serħan il-moħħ tan-nies dwar is-sigurtà kulma jmur qed jiżdied. Dan huwa attribwit ukoll għaż-żieda fil-preżenza tal-pulizija fost in-nies li juri li s-servizz tal-community policing qed ikun effettiv.

Filwaqt li nemmnu li hemm aktar affarijiet x’jiġru rranġati, fosthom li l-għases ikunu miftuħin f’aktar ħinijiet, wieħed iżda ma jridx inaqqas il-ħidma li qed tagħmel ta’ kuljum il-pulizija biex tiżdied is-sigurtà fil-lokalitajiet. 

Ir-rapport annwali dwar ir-rata tal-kriminalità f’Malta jinnota li ma kinitx esperjenzata abnormalità fir-reati kriminali f’xi lokalità jew oħra, iżda kull lokalità qiegħda fl-istess livelli ta’ reati esperjenzati.

Sfortunatament iżda l-fenomenu tal-vjolenza domestika jidher li qed jiżdied. Tant hu hekk li fl-2022, ġew irrappurtati 1,830 każ filwaqt li 15-il sena ilu l-każi rapportati kienu 450 każ. Dan minnu nfih, juri li l-vittmi ta’ vjolenza domestika għandhom iktar fiduċja fit-Taqsima tal-Pulizija dwar il-Vjolenza Domestika u qed jersqu ‘l quddiem biex iwasslu l-ilmenti tagħhom. 

Skont dan l-istħarriġ, jidher li b’mod ċar li l-preżenza iżjed proattiva tal-pulizija fil-lokalitajiet qed tħalli frott mixtieq. Il-fatt li l-Pulizija qed ikunu aktar fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin, qed ikunu iżjed ta’ servizz fl-istess waqt li tiżdied is-sigurtà fil-lokalitajiet. 

Sport