Thursday, October 2, 2025

Insaħħu l-infrastruttura tal-enerġija 

Aqra wkoll

Il-provista tal-elettriku hija important ferm għal kull attività fil-pajjiż. Mingħajr provista adekwata tal-elettriku l-pajjiż ma jistax jimxi ‘l quddiem. Jekk tistagħġna din il-provista il-pajjiż jista’ jmut. Bħal meta tinstadd arterja prinċipali fil-ġisem tal-bniedem.

Minn l-2013 sar investiment biex pajjiżna jkompli jkabbar il-provista tal-elettriku biex din timxi pari passu mat-tkabbir ekonomiku li aħna stess konna qed naħdmu għalih. Dejjem emminna li l-pajjiż irid ikabbar l-ekonomija tiegħu biex il-cake nazzjonali jikber u nkunu nistgħu inwettqu l-viżjoni tagħna ta’ titjib fil-livell tal-għajxien ta’ kulħadd.

Sa minn qabel il-poplu Malti tana l-fiduċja b’saħħitha fl-elezzjoni tal-2013, rajna li biex inwettqu l-programm tagħna kien jeħtieġ li tikber u tissaħħaħ il-provista tal-elettriku tagħna. Ma’ dan kellna l-għan prinċipali l-ieħor, dak li nnaddfu darba għal dejjem, id-diżastru ambjentali maħluq mill-użu tal-Heavy Fuel Oil fil-Power Station ta’ Delimara, iż-żarmar taċ-ċumnija li tħammeġ f’Dellimara u ż-żarmar tal-Power Station tal-Marsa. Il-qalba għall-użu tal-gass fil-ġenerazzjoni tal-enerġija saret f’din id-direzzjoni u biex fl-istess waqt saħħaħna l-provista tal-elettriku. 

Hekk kif dħalna fl-amministrazzjoni tal-pajjiż fl-2013 ridna naraw li l-interconnector  bejn Malta u Sqallija li thabbar fi zmien gvern Nazzjonalista jitwettaq biex imbagħad beda jintuża fl-2015. Dan kien diġa beda jagħtina aktar serħan il-moħħ li fl-eqqel tal-użu tal-elettriku partikolarment fl-eqqel tas-sajf jew tax-xitwa, jkollna provista adekwata. Imma, hekk kif it-tkabbir ekonomiku baqa’ jissaħħaħ, sena wara sena, ridna naraw li l-pajjiż ikun ippreparat għall-futur.

Dan wassal għall-pjan li pajjiżna jkollu it-tieni interconnector li se jtina aktar minn minn 200 Megwatt ieħor ta’ elettriku permezz ta’ cable li qed jgħaddi minn fuq fl-art fi Sqallija għall-baħar li jaqsam iż-żewġ gżejjer u li mbagħad jispiċċa fuq l-art f’Malta qrib il-Magħtab. 

Ix-xogħol li qed jitwettaq mill-kumpanija tal-Gvern InterConnect Malta huwa wieħed imprezzabbli u qed isir b’dedikazzjoni u professjonalità kbira. Fl-aħħar jiem, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubbika Miriam Dalli, kellna l-opportunità nżuru x-xogħol li għaddej bħalissa f’Ragusa fi Sqallija fejn beda jitqiegħed il-cable tul medda ta’ 21 kilometru li mill-istazzjon tal-Enemalta fi Sqallija irid iwassal sal-baħar biex imbagħad minn hemm, ikompli jitqiegħed il-cable f’qiegħ il-baħar biex jitwassal sa Malta.

Ħdimna u rnexxielna li għal dan il-proġett nġibu €165 miljun ta’ finanzjament minn Fondi Ewropej li bihom, flimkien ma’ fondi lokali irridu npoġġu lil Malta b’mod aktar b’saħħtu fil-grid Ewropew tal-Enerġija u jtina s-serħan il-moħħ ta’ fornitura adekwata ta’ elettriku.

Grazzi lill-entitajiet kollha nvoluti fit-twettieq ta’ dan il-proġett, tax-xogħol kbir li qed iwettqu biex il-familji Maltin u Għawdxin u l-pajjiż jkollhom sigurtà sħiħa fil-provista tal-elettriku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport