Sunday, December 29, 2024

INSAĦĦU L-PROTEZZJONI TAL-MINURI ONLAJN

Aqra wkoll

Hu fatt magħruf u ppruvat li l-mod kif it-teknoloġija tal-infomazzjoni qed tinxtered u tinfirex, waqt li fiha l-pożittiv tagħha fiha ukoll l-aspetti negattivi. Hi ħasra kbira li waqt li din it-teknoloġija tista’ tintuża tant biex tgħin fl-edukazzjoni u fit-tixrid ta’ informazzjoni, daqstant ieħor hemm min qed jużaha biex minnha jwettaq abbużi. Fost dawn l-abbużi hemm abbużi sesswali fuq it-tfal. Fenomenu li kull ma jmur qiegħed dejjem jikber. Hu fenomenu li llum qiegħed jinkwieta u jħasseb lill-għadd ta’ ġenituri. Professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam, anke f’pajjiżna, jiddikjaraw bla tlaqlieq li l-vittmi minn dan il-fenomenu qegħdin dejjem jiżdiedu.

Wieħed irid jirrimarka li l-abbuż sesswali onlajn fuq tfal  jħalli ġrieħi fuq il-vittmi u li jikkawżalhom ħsara fiżika u emozzjonali li jibqgħu jġorru magħhom  għal tul ta’ żmien. 

F’pajjiżna saru kampanji ta’ informazzjoni dwar dan. Mhux hekk biss iżda jeżistu ukoll għodod biex nipproteġu lil uliedna minn dan il-fenomenu. Wieħed irrid jammetti li mhux kulħadd konxju ta’ dawn l-għodod. Apparti dan hawn min jagħżel li ma jfittix dawn l-għodod, waqt li jħalli lil uliedu bla superviżjoni ta’ xejn onlajn.

Irridu nirrimarkaw ukoll li hawn ġenituri li forsi mhumiex daqstant midħla tat-teknoloġija u forsi mhux ilaħħqu mal-iżvilupp u mal-mod kif qed tinfirex. U  minħabba dan uliedhom jispiċċaw jimirħu f’baħar u kurrenti li mhux dejjem tkun taf fejn se jeħduk.

M’hemm ebda dubju li llum neħtieġu regoli aktar ċari mhux f’pajjiżna biss imma anke fuq livelli Ewropew. Regolamenti b’kundizzjonijiet u salvagwardji b’saħħithom biex jiġi assigurat li l-użu ħażin tas-servizzi onlajn għall-finijiet tal-abbuż sesswali tat-tfal jiġi ttrattat b’mod effettiv u bla dewmien. 

Naqblu perfettament mal-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni Ewropea ħarġet proposta leġislattiva matul is-sena li għaddiet biex tipprova tilħaq dan il-għan. Dwar dan saret anke ħidma fil-Parlament Ewropew.

M’hemm ebda dubju li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kellha għanijiet tajbin. Biss l-istess proposta sfat miri ta’ kritika qawwija dwar l-impatt li din seta’ jkollha  fuq il-privatezza u s-sigurtà tan-nies.  Għalhekk naqblu li għandhom jiġu introdotti għadd ta’ kontrolli u regolamenti li jwasslu  biex tiżdied l-effiċjenza tar-regoli l-ġodda fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal onlajn. Mill-banda l-oħra imma wieħed irid joqgħod attent li jiġi assigurat ir-rispett tal-prinċipji ewlenin, bħall-projbizzjoni tal-obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ, ir-rispett għall-ħajja privata u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, il-libertà tal-espressjoni kif ukoll l-innovazzjoni u t-tkabbir tal-ekonomija diġitali, min-naħa l-oħra. 

Dan hu qasam sensittiv u ma nistgħux nonqsu lit-tfal. Pass ħażin jew laxkezza f’dan il-qasam ibatu minnu it-tfal. Ifisser aktar vittmi ta’ abbuż sesswali onlajn.

Nemmenu b’mod qawwi li r-regoli l-ġodda li għaddejja ħidma fuqhom irid jieħdu stampa bilanċjata. Iridu jaraw li ma jitħallewx toqob li jistgħu jiġu sfruttati minn predaturi onlajn. Ir-regoamenti nemmnu li għandhom ijkunu proporzjonati, effettivi u neċessarji. 

Lil hinn minn dan iżda imbagħad irridu naraw li b’mod regolari u kontinwu, jinħolqu kampanji ta’ informazzjoni għall-ġenituri. Dawn huma importanti f’din il-ġlieda kontra l-predaturi onlajn. Il-ġlieda ma tistax tkun minn naħa waħda biss. Ir-regolamenti huma tajbin, iżda l-informazzjoni tal-ġenituri tgħin ħafna f’din il-ġlieda, li rridu nammettu li aktar mhu jgħaddi żmien aktar qed issir diffiċli.

Ekonomija

Sport