Thursday, December 26, 2024

INSELLMULEK JOE!

Aqra wkoll

Kmieni lbieraħ filgħodu malajr ġriet il-kelma li Joe Brincat kien ħalliena. Sajjetta fil-bnazzi hekk kif b’xi mod Joe Brincat ħalla impatt kemm fix-xena politika, fil-professjoni tiegħu imma anke permezz tal-artikli tiegħu u bl-opinjonijiet tiegħu.

Irrispettivament kontx taqbel mal-ideat tiegħu, mal-fehmiet u l-prinċipji tiegħu żgur tagħraf il-fatt li dan kien suldat tal-azzar li jħobb il-Partit Laburista, lil pajjiżna u fuq kollox lil dak li jaqlagħha u jikolha. Joe Brincat dejjem tkellem u ħadem kontra l-inġustizzji soċjali. Dejjem ta leħen lil min twarrab jew intesa’. Dejjem ħadem biex il-politiku jkun ta’ eżempju u verament jaħdem biex jindirizza l-bżonnijiet, l-isfidi u r-realtajiet tal-poplu Malti. 

Int min int, irrispettivament minn fejn ġej, minn liema saff tas-soċjetà Maltija tappartjeni. Fuq kollox, dejjem ħadem biex il-Partit Laburista jibqa’ jħaddan u jirrifletti il-prinċipji li sawruh tul is-snin. Tassew, Joe dejjem ħadem biex kull individwu jkollu d-drittijiet tiegħu mħarsa, biex jara li l-kwalità tal-ħajja tiegħu titjieb u biex jara li verament jingħata il-ġieħ u l-apprezzament mistħoqq għal dak li jagħmel biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Dan dejjem għamlu bla kundizzjonijiet, bla aġendi personali, anke jekk kien ifisser li ma jaqbilx mal-gvern, mal-partit u ma’ dawk qrib tiegħu. 

Iva, għax għal Joe Brincat, il-politika, l-professjoni u l-kitbiet tiegħu kienu għodda biex dak li dejjem emmen fih seta’ jiġġieled għalih, seta’ jwettqu u seta’ verament jagħmel differenza fil-ħajja tal-batut. 

Niftakru fl-artikli li kien regolarment jikteb fit-Torċa fejn qatt ma qagħad lura milli jesprimi ħsibijiet. Wisq aktar, qatt ma qagħad lura milli jgħid dak li jħoss. Joe, kif jgħidu l-Ingliżi, dejjem “called a spade a spade.” Anke jekk dan kien ifisser li qed jikkritika lill-partit jew il-gvern. Dan dejjem għamlu b’umiltà, b’konvinzjoni u b’determinazzjoni. Dan dejjem għamlu b’dak it-ton sod li kien jiddistingwih. 

Ġust, rett, tal-punt, tar-ruħ, qalb tajba u bla ebda kantunieri. Dan kienu karrateristiċi uniċi ta’ Joe Brincat li dejjem iddistingwuh. Li għamluh dak li żgur se jibqa’ mfakkar għalih. Dawn huma l-karatteristiċi li ghamluh politiku ta’ vera. Politiku uniku. Dawn huma l-karatteristiċi li għamluh raġel fuq l-irġiel. Dawn huma l-karatteristiċi li għamluh uniku.

Malta tilfet pilastru. Tilfet parti importanti mill-istorja politika lokali. Tilfet avukat prim. Però l-legat tiegħu se jibqa’ magħna. Ser jibqa’ mgħaġġen fl-istorja tal-Partit Laburista u fl-istorja ta’ pajjiżna. Iva, għax dak li ħadem għalih Joe Brincat kemm bħala politiku, bħala avukat kif ukoll bħala opinjonista kien, għadu u jibqa’ rilevanti llum iktar minn qatt qabel. Dan għaliex fl-iżvilupp mgħaġġel soċjali, ekonomiku u politiku ta’ pajjiżna, l-individwu – irrispettaviment hux kbir jew żgħir, irrispettivament mill-kulur tiegħu, mit-twemmin tiegħu u mill-generu tiegħu – jibqa’ s-sinsla ta’ pajjiżna.  

Insellmulek. Grazzi Joe! Strieħ fis-sliem.

Ekonomija

Sport