F’appartament ta’ wieħed mit-tlitt irġiel li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Joseff Rivas, instabu xi dmija fil-kċina u anke fuq hoodie griża li kienet mormija.
Dan id-dettall ħareġ mix-xhieda ta’ uffiċjal tal-pulizija stazzjonat fl-Iskwadra tal-Omiċidji hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Ilie Constantin ta’ 31 sena u l-kuġini tiegħu Ionut Iulian Tanase ta’ 35 sena u Dan-Andrei Tanase ta’ 32 sena li jinsabu mixlija bl-omiċidju li seħħ fil-5 ta’ Diċembru li għadda f’Paceville.
Joseff Rivas, li kellu ċittadinanza Ingliża u Rumena, kien qala’ 28 daqqa ta’ sikkina waqt ġlieda bejn żewġ gruppi fi Triq Ross, li allegatament kienu involuti fil-prostituzzjoni. It-tliet imputati qed iwieġbu mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tagħha.
L-unika xhud fis-seduta tal-bieraħ kien l-uffiċjal tal-pulizija Sven Sammut li spjega li huwa kien mitlub biex imur f’residenza f’San Ġiljan ta’ wieħed mill-akkużati, Ionut, flimkien ma’ żewġ uffiċjali tal-pulizija oħra.
Ix-xhud qal li l-pulizija kienu waslu għal din ir-residenza wara li ġiet segwita r-rotta li kienu qabdu t-tliet akkużati wara l-qtil. Qal li hekk kif daħal fir-residenza seta’ jinnota xi dmija fil-kċina u anke mal-kxaxen.
Huwa żied jgħid li ġiet elevata kaxxa tal-mobile iPhone filwaqt li ġiet innutata wkoll hoodie mċappsa bid-dmija, li kienet mormija fiż-żibel. Kompla billi qal li l-imputat Ionut kien qalilhom li mar f’residenza oħra fis-Swieqi biex jarmi s-sikkina iżda tfittxija li saret fir-residenza rriżultat fin-negattiv.
Il-kawża, li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, tkompli fil-15 ta’ Settembru.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonnett u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri. Għall-imputati qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Charmaine Cherrett u Jacob Magri.