Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar ix-Xlendi, fejn b’inizjattiva li ħa l-Ministeru ġiet installata sistema ġdida ta’ dwal permezz ta’ enerġija solari. Il-Ministru qal li dan il-proġett pilota, li jinkludi 13-il arblu bi dwal solari, naqqas drastikament it-tniġġis tad-dawl fl-inħawi.
Huwa spjega li t-tniġġis tad-dawl ittieħed f’konsiderazzjoni u għalhekk dawn id-dwal il-ġodda qegħdin jinxtegħlu meta jkun hemm bżonn u bl-ammont neċessarju. Dan bl-użu ta’ intelligent lights b’motion sensors, u għalhekk ikun hemm id-dawl meta meħtieġ biss.
Il-Ministru Camilleri stqarr li huwa l-ambjent ta’ madwarna li jsofri mit-tniġġis li nikkawżaw, fosthom permezz tad-dawl, u għalhekk din l-inizjattiva hija turija ċara li l-Ministeru għandu għal qalbu l-ħarsien tal-ambjent u li kontinwament jaħdem għal Għawdex aħjar.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li din is-sistema ta’ enerġija solari tfisser enerġija aktar nadifa għall-Bajja tax-Xlendi.