Minn aktar testijiet li wettqu l-Pulizija mit-Taqsima tal-Forensika rriżulta li mill-kontejner li kien fi proprjetà tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Safi, insterqu 132kg reżina tal-kannabis u mhux 226kg kif kien irrapportat inizjalment. Minn dawn, il-Pulizija rnexxielha tirkupra sa issa aktar minn 80kg.
Dan id-dettall ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Mark Anthony Mercieca, hekk kif quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ ħames persuni li jinsabu mixlija b’rabta mas-serqa ta’ droga mill-barracks ta’ Ħal Safi.
L-imputati huma Sean Attard ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Yousef Essesi ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar, l-aħwa Carlos Pace ta’ 23 sena u Cleaven Pace ta’ 19-il sena, it-tnejn mill-Marsa, u Christa Gauci ta’ 21 sena mis-Sannat, Għawdex.
Fuq il-pedana tax-xhieda, l-Ispettur Mercieca beda biex spjega illi l-każ kellu l-bidu tiegħu fis-17 ta’ Ġunju tal-2024 meta ġie infurmat mis-sezzjoni tad-Dwana fil-Port Ħieles li kien hemm kontejner suspettuż li wasal mill-Marokk u li kien sejjer lejn il-Libja.
Meta mar il-Port Ħieles huwa nnota li f’dan il-kontejner kien hemm sitt induction ovens. F’dawn l-ifran, irriżulta li kien hemm numru sostanzjali ta’ blokok kwadri li fihom kien hemm reżina tal-kannabis. B’kollox kien hemm aktar minn 4 tunnellati ta’ kannabis. Din is-sustanza kienet inżammet f’kontejner b’għassa ta’ żewġ uffiċjali tal-pulizija li kienu jkunu armati.
Nhar l-20 ta’ Ġunju 2024, il-Maġistrat inkwerenti Dr Antoine Agius Bonnici kien awtorizza li ssir id-distruzzjoni tas-sustanza li kienet miżmuma f’dan il-kontejner. Fl-4 ta’ Lulju beda eżerċizzju sabiex din is-sustanza tiġi meqruda fl-inċineratur fejn wara li nħarqet ammont sostanzjali, l-inċineratur ġarrab ħsarat u dan l-eżerċizzju kellu jieqaf.
Dak il-ħin, kompla jixhed l-Ispettur Mercieca, is-sustanza kienet qed tinżamm f’vann imdaqqas tal-pulizija u meta waqaf il-proċess, il-vann bid-droga kien ittieħed fil-kumpless tad-Dwana fejn kien hemm il-kontejner li kien qed iżomm id-droga.
Il-kontejner ried jitneħħa mill-Port Ħieles u fil-fatt wara li kien hemm l-awtorizzazzjoni tal-Qorti, ix-xogħol reġa’ kien iddaħħal fil-kontejner u ttieħed fil-kumpless tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Safi.
“Waqt din il-handover jiena kont preżenti ma’ uffiċjali oħrajn tal-pulizija biex noffru skorta u finalment titwassal is-sustanza fil-kumpless inkwistjoni. Dan il-kontejner tpoġġa fejn l-uffiċini tal-Forzi Armati stess. Ġew iċċekkjati s-siġilli bil-katnazzi, kienu fotografati fejn hemmhekk kien hemm reġistratur tal-Qrati u ta handover ukoll lill-membri tal-Armata,” kompla jixhed l-Ispettur Mercieca.
Instabet toqba fil-fence, żewġ torċijiet u loqom tas-sigaretti
Nhar it-23 ta’ Frar 2025, għall-ħabta tal-3.40 a.m., l-Ispettur kien infurmat permezz ta’ telefonata minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li kienu xogħol fil-Barracks ta’ Ħal Safi li l-imsemmi kontejner b’xi mod kien infetaħ u li setgħu ttieħdu xi oġġetti li kien hemm fih. Huwa kien mar minnufih fuq il-post u miegħu kien hemm membri tal-RIU u uffiċjali oħra mit-Taqsima tal-Forensika.
Meta avviċinaw il-kontejner deher li kien imbexxaq u s-siġilli ma kinux jidhru li għadhom imwaħħlin. Kienet saret spezzjoni fil-madwar biex jaraw fejn kienu daħlu l-ħallelin. Huwa seta’ jinnota torċ ftit ’il bogħod u setgħu jinnutaw toqba mqatta’ mill-fence tal-Armata minn fejn dawn setgħu kienu daħlu. Mat-toqba tal-fence kien hemm torċ ieħor ta’ lewn iswed simili għal dak li kien misjub aktar qabel. Dawn ġew meħudin għal skopijiet ta’ fingerprints u DNA. Ġew elevati wkoll xi loqom tas-sigaretti. Fil-ħaxix ta’ quddiem il-kontejner, instabu wkoll is-siġilli li kienu mal-kontejner, li nġabru u ttieħdu għal aktar analiżi.
Mis-sistema tas-CCTVs fl-inħawi, irriżulta li f’mumenti bejn nofsillejl u s-2.30 a.m., dehru persuni jiġru jiftħu l-kontejner u kien stabbilit li kien hemm żewġ persuni li daħlu fil-kumpless tal-Forzi Armati ta’ Malta u li setgħet intużat vettura Toyota Belta ta’ lewn griż u li meta qaċċtu katnazzi reġgħu ħarġu mit-toqba u għabbew ix-xogħol fil-vettura u telqu minn fuq il-post.
Il-ħallelin dehru ħerġin minn fuq il-post b’basktijiet tax-xiri f’idejhom
L-Ispettur Mercieca qal ukoll li ġie stabbilit illi s-suspettati kienu daħlu fil-kontejner tliet darbiet u ħarġu jiġru b’basktijiet tax-xiri f’idejhom. Għall-ħabta tas-7.30 a.m., tim forensiku mar fuq il-post biex ikompli bl-investigazzjonijiet.
Sar eżerċizzju biex jiġi verifikat xi kwantitajiet setgħu ġew nieqsa mill-kontejner. Kien infurmat li kien hemm nieqes l-ammont ta’ 226kg reżina tal-kannabis. Minn hemm diversi sezzjonijiet tal-pulizija bdew eżerċizzju sabiex jagħrfu x’vetturi setgħu ntużaw u din il-vettura griża minn fejn ġiet u telqet.
L-Ispettur Mercieca kompla jispjega li minn filmati tas-CCTVs, irriżulta illi t-Toyota Belta dehret wara l-11.00 p.m. tat-22 ta’ Frar dieħla mill-mini ta’ Ħal Kirkop u warajha kien hemm vettura żgħira oħra Toyota. It-Toyota Belta ġibdet lejn il-barracks ta’ Ħal Safi u t-Toyota Vitz waqfet f’dawk l-akwati.
Wara li nsterqet id-droga, mill-cameras tal-FAM, iż-żewġ vetturi dehru jsuqu wara xulxin lejn l-Imqabba, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ.
Vettura daħlet f’garaxx taħt binja pparkjata. Mit-Toyota Belta kienu ħarġu tliet persuni minn ġewwa fiha u ġie aċċessat it-tieni garaxx. Minn aktar analiżi seta’ ġie verifikat li wieħed mill-persuni seta’ kien Sean Attard. Fil-kumpless tal-garaxxijiet ħarġet persuna simili ħafna ta’ Yousef Essesi.
Mit-Toyota Belta dehru joħorġu b’diversi basktijiet imdaqqsin u wara li allegatament Sean Attard fetaħ il-garaxx daħlu u wara ħarġu basktijiet fihom.
Il-Pulizija kienu konxji li Essesi kien jagħmel użu minn vettura Toyota Belta u minn aktar analiżi tal-kameras fl-24 ta’ Frar kien deher dieħel fil-garaxx Sean Attard b’vettura Mazda u hemm għabba żewġ basktijiet u reġa’ saq ’il barra.
L-arrest tal-imputati…
L-Ispettur Mercieca kompla jgħid li fil-25 ta’ Frar li għadda, inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Sean Attard. Huwa ġie arrestat fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ.
Ir-residenza tinsab quddiem il-kumpless tal-garaxxijiet inkwistjoni. Mir-residenza ġew elevati diversi mobile phones u wara l-bieb tad-dar fejn il-kaxxa tad-dawl ġie elevat ukoll mazz ċwievet.
Ikompli jixhed li t-tfittxijiet komplew fil-komun tar-residenza u anke fuq il-bejt li huwa komuni għall-appartamenti kollha. Hawn kien instab basket b’sustanza allegatament ħaxixa tal-kannabis u miżien diġitali fihom.
Hekk kif kompliet it-tfittxijiet fil-garaxxijiet kienet ġiet innutata żewġ vetturi Mercedes. Irriżulta li f’waħda mill-vetturi fil-bagoll kien hemm total ta’ 35 blokka simili għal dawk li kien hemm fil-kontejner. Kienu mqassmin f’tliet basktijiet tax-xiri.
Minn hemm it-tim forensiku eleva s-sustanza kollha fejn il-vettura ġiet ukoll elevata mill-pulizija. Sean Attard kien ittieħed fid-Depot biex jitkomplew l-investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu.
L-Ispettur Mercieca kompla jgħid li nhar il-25 ta’ Frar, fit-7.45 a.m. ġie arrestat Carlos Pace minn residenza fil-Marsa. Minn din ir-residenza nstabu diversi ċwievet u notebook fejn kien qed jindika li Carlos kien qed jikri xi garaxx f’Ħaż-Żabbar.
Sid il-kera forna ċavetta fejn meta nfetaħ il-garaxx instabet vettura Suzuki u żewġ garbage bags – waħda kien fiha 17-il blokka reżina tal-kannabis simili għal dawk misruqa mill-kontejner u borża oħra b’16-il blokka reżina tal-kannabis.
Għall-ħabta tal-9.40 a.m. ġie arrestat Yousef Essesi fejn wara li ġie infurmat bl-arrest tiegħu hu kien indika lill-pulizija b’għalqa f’San Ġwann fejn stqarr li kien ħeba basket b’10 blokok reżina tal-kannabis li kienu ġew misruqa mill-imsemmi kontejner.
Saru diversi arresti ta’ persuni oħra marbutin ma’ din l-investigazzjoni. Kien ġie arrestat Liam Stewart fejn fil-pussess tiegħu allegatament kienu nstabu ħames blokok simili ħafna għal dawk misruqa mill-kontejner. Aktar tard Cleaven Pace kien mar minn jeddu d-Depot u ġie arrestat.
Fil-Qorti ntqal li Sean Attard għażel li ma jirrispondi għal ebda domanda iżda ħa responsabbiltà tad-droga li kienet misjuba fil-vettura tiegħu. Min-naħa tiegħu Carlos Pace ukoll għażel li ma jirrispondi għall-ebda domanda.
Cleaven Pace jgħid li kien qiegħed mas-sieħba tiegħu
L-Ispettur qal li Cleaven Pace stqarr mal-Pulizija li dakinhar hu kien qiegħed mas-sieħba tiegħu Christa Gauci bil-vettura tagħha tal-għamla Toyota ta’ lewn iswed. Qal li hi kienet qiegħda ssuq u baqgħu jsuqu wara vettura oħra għax skontu kienu rassewhom. Qal li kienu waqfu viċin tar-roundabout.
Pace kien qal lill-Pulizija li meta raw vettura Toyota Belta reġgħet ġejja saqu warajha għas-sodisfazzjon. Huwa kien stqarr ukoll li kien jaf lil Yousef Essesi.
Imbagħad l-Ispettur Mercieca kompla jgħid li fis-26 ta’ Frar kienet marret minn jeddha d-Depot, Christa Gauci, u din ukoll ġiet arrestata. Instab logbook fil-vettura tagħha li kien jgħajjat lil Yousef Essesi. Ikkonfermat mal-pulizija li kienet hi qed issuq il-vettura.
Waqt l-istqarrija tagħha, apparti li kienet qalet li kienet qiegħda ssuq u anke li kienet mal-għarus tagħha Cleaven Pace, meta ġiet mistoqsija dwar it-Toyota Belta stqarret li hi ma kienet taf b’xejn dwar din il-vettura.
Hija ġiet mistoqsija jekk kelliex xi mobile fuqha u qalet li l-mobile ma kienx fuqha għax meta tkun mal-għarus ma tiħdux magħha. Mil-localisation tal-mobile tagħha, irriżulta li dan għamel traġitt li jikkombaċi mas-serqa, u bdiet issuq direzzjoni tas-Siġġiewi u ta’ Ħaż-Żebbuġ.
L-Ispettur Mercieca kompla jgħid ukoll li mbagħad il-persuni kollha tressqu b’arrest biex jaffaċċjaw diversi akkużi relatati ma’ droga u anke serq.
Il-pulizija baqgħet ukoll tanalizza diversi filmati u nhar it-3 ta’ Marzu 2025, l-Ispettur Mercieca kien ikkuntattjat mil-esperti forensiċi mqabbda fl-inkjesta li nfurmawh li wara aktar investigazzjonijiet, ġie stabbilit li t-total ta’ droga li nsterqet mill-kontejner ma kinitx dik ta’ 226kg iżda 132kg.
Il-każ ikompli.
Sadanittant, dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Liam Stewart ta’ 23 sena minn tal-Pietà li qed ikun mixli li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kannabis.
Fis-seduta tal-bieraħ, xehed l-Ispettur Jeffrey Scicluna Briffa li qal li nhar il-25 ta’ Frar 2025 kien assista f’operazzjoni b’rabta ma’ serqa ta’ droga mill-barracks ta’ Ħal Safi.
Qal li fil-25 ta’ Frar, il-pulizija kienu mitluba jeċċedu fl-inħawi tal-Mile End, il-Ħamrun, peress li kienet daħlet informazzjoni li ċertu Liam Stewart seta’ kien qed iċaqlaq xi droga milli kienet insterqet. Għall-ħabta tas-1.05 p.m., l-Ispettur Scicluna Briffa kien infurmat li Stewart kien ġie arrestat fil-Ħamrun. Minn tfittxija li saret fl-appartament tal-imputat, fil-kamra tal-bejt, instab basket li fih kien hemm tliet blokok imdawrin bit-tape u li possibilment kien fih id-droga. Mill-istess appartament, il-Pulizija kienet sabet ukoll mas-6,000 ewro fi flus kontanti.
Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, Stewart ma kien wieġeb għall-ebda mistoqsija li saritlu u mbagħad kien tressaq fil-Qorti nhar is-27 ta’ Frar.
Xehed ukoll Stephen Sultana qal li fil-25 ta’ Frar kien qed isuq wara vettura Toyota griża u s-sewwieq ta’ quddiemu baqa’ jirriversja u ħabat miegħu fuq quddiem. X’ħin ħareġ mill-vettura ra l-pulizija u qalulu biex iżommu ’l bogħod, għamlulu tfittxija u mmanettjawh.
Huwa kien mar l-Għassa tal-Ħamrun u għamel rapport. It-total tal-ħsara li ġarrab fil-vettura li kien qed isuq kienet stmata li tlaħħaq l-€1,116.
Il-Qorti rat it-talba tal-ħelsien mill-arrest tal-imputat u anke l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, u qalet li se tkun qiegħda tagħti d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward aktar tard.
Il-każ fil-konfront ta’ Stewart ikompli fis-17 ta’ Marzu.
Sean Attard għandu jassistuh lill-Avukati Franco Debono u Matthew Xuereb filwaqt li Carlos Pace hu assistit mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.
Yousef Essesi hu assistit mill-Avukat Amadeus Cachia. Għal Cleaven Pace u Christa Gauci dehru l-Avukati Dr Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.
L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għal Liam Stewart.