Raġel ta’ 40 sena ta’ nazzjonalità Libjana, iżda residenti Għawdex tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li weġġa’ ħafif lit-tfajla tiegħu kif ukoll ikkawża biża’ li se tintuża l-vjolenza fuqha.
Hu kien mixli wkoll li żamm lit-tfajla kontra r-ried tagħha, li nsulenta kif ukoll li kiser żewġ settijiet ta’ kondizzjonijiet tal-libertà proviżorja.
Meta mistoqsi xi jwieġeb għall-akkużi, hu wieġeb mhux ħati.
L-Ispettur Antonello Magri xehdet quddiem il-Qorti li l-pulizija raw filmat li ttieħed minn turista u li kien qiegħed idur fuq il-midja soċjali fosthom fuq TikTok. Il-filmat li ttieħed fil-25 ta’ Lulju li għadda, kien jidher raġel f’karozza jsawwar mara. L-Ispettura qalet li huma mill-ewwel bdew investigazzjoni fosthom raw in-numru tal-karozza.
Hekk kif il-mara ġiet mitkellma mill-pulizija, għall-ewwel irrifjutat li tagħmel rapport fil-konfront tiegħu, iżda imbagħad aktar tard matul l-istess jum li ġiet mitkellma hija qalet lill-Surġent tal-Pulizija dwar dak l-inċident, iżda xorta waħda ma riditx tagħmel rapport uffiċjali. Fil-passat hija kienet diġà għamlet diversi rapporti fil-konfront tal-imputat, iżda dejjem ħafritlu.
Il-pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet tagħha u l-akkużat kien arresta Għawdex fl-Għassa tar-Rabat hekk kif mar jiffirma hemm skont il-kundizzjonijiet imposti fuqu.
Il-mara ġiet mgħarrfa li kien ġie arrestat u kien hawn li hi aċċettat li tagħmel rapport.
Fil-rapport il-mara allegat li huma kellhom argument fl-24 ta’ Lulju li għadda għall-ħabta tas-2.00pm waqt li kienu f’Birżebbuġa. Huma kienu hemm jgħumu filwaqt li r-raġel kien qiegħed jixrob. Kien hawn li hu beda jimbotta lill-allegat vittma lejn il-karozza filwaqt li beda jgħajjara.
Hi qalet ukoll lill-pulizija li wara dan l-inċident, ir-raġel beda jsuq lejn Għawdex fejn jgħix hu. Allegat li saqt minn toroq imwarba u fejn hemm irdumijiet. Kien hawn li beda jgħidilha li se jsuq għal fuq l-irdum bihom it-tnejn fil-karozza.
Wara li waslu Għawdex, hu sakkar lil mara d-dar u ħeba ċ-ċwievet. Hi telqet biss mid-dar għall-ħabta tas-1.00am biex tkun tista’ tmur lura d-dar t’ommha.
L-Ispettur qalet li l-allegat vittma qalet lill-Pulizija li ma riditx tagħmel rapport fil-konfront tas-sieħeb tagħha minħabba li tibża’ minnu, kif ukoll li għandha tħobbu.
Fil-Qorti ntqal li l-akkużat qal lill-pulizija li allegatament it-tfajla kienet qabdet sikkina waqt dan l-argument u anke sofra xi ġrieħi.
Id-difiża mexxija mill-Avukat David Bonello għamel talba għall-ħelsien mill-arrest u din sabet oppożizzjoni kbira mill-Proseuzzjoni.
Id-difiża qalet li l-allegat vittma ma kinitx preżenti fl-awla u minn informazzjoni li għandu jidher li din irrifjutat li tattendi.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.