Hekk kif it-theddid ta’ kriminalità online qiegħed dejjem jikber, il-bżonn ta’ iktar viġilanza qed jiżdied ukoll. Għal dan il-għan, ic-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tas-Sigurtà Diġitali fi ħdan il-MITA (MITA-NCC), b’kollaborazzjoni mal-MITA u mas-Sezzjoni tas-Cyber Crime fi ħdan il-Pulizija ta’ Malta niedew kampanja ta’ għarfien fuq it-televiżjoni nazzjonali biex jedukaw lill-pubbliku dwar is-sigurtà diġitali.
Il-kampanja tinkludi filmati qosra, li huma ddisinjati biex jattiraw lill-udjenza u jgħinu kemm lil individwi, familji u anke negozji biex jifhmu r-riskji li jeżistu online, filwaqt li jadottaw passi prattiċi biex jipproteġu l-informazzjoni personali tagħhom.
Hekk kif it-theddid online jkompli jevolvi u jħalli impatt fuq komunitajiet internazzjonali, din l-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi informazzjoni b’mod aċċessibbli u li l-udjenza tista’ tirrelata magħha. B’dan il-mod, dawk li jsegwu din il-kampanja jkunu aktar kapaċi jżommu lilhom infushom siguri f’din fejn aktar ma jgħaddi ż-żmien hemm bżonn li nkunu dejjem konnessi.
Dawn l-episodji qosra kollha jinkoraġġixxu lill-udjenza biex tirrapporta kwalunkwe inċidenti lill-Pulizija permezz tal-website pulizija.gov.mt jew inkella permezz tat-telefon 21224001.
Matul ix-xhur li ġejjin, oqogħdu attenti għal iktar episodji taħt is-slogan “Int Importanti”. Dawn kollha jenfasizzaw dwar l-importanza li nżommu lilna nfusna siguri online u kif nistgħu nħarsu lil xulxin biex l-internet ikun post aktar sigur.
Jekk int interessat tkun taf aktar jew inkella tixtieq xi pariri dwar kif iżżomm ruħek sigur online, nistiednuk biex issegwi l-paġni soċjali tal-MITA-NCC jew inkella żżur il-website: https://ncc-mita.gov.mt/category/security-tips/ li tiġi aġġornata regolarment b’rakkomandazzjonijiet u gwidi biex iżżomm sigur.

