Issa ilna diversi xhur nisimgħu li r-riżorsa umana hija l-akbar uġigħ ta’ ras fis-settur tal-catering f’pajjiżna. Din id-dikjarazzjoni hemm diversi interpretazzjonijiet tagħha b’uħud jgħidu li dan huwa kollu riżultat tal-fatt li l-Maltin bħal donnhom tgerrxu minn dan is-settur u oħrajn jsostnu li l-kundizzjonijiet u l-pagi fis-settur mhumiex dinjitużi.
Tajjeb li niftakru li pajjiżna, bħall-bqija tad-dinja għadu kemm ħareġ minn sentejn ta’ sfidi kontinwi minħabba l-pandemija. L-isfidi kienu varji u fost l-oħrajn kull pajjiż tħabat biex iżomm il-ħaddiema tiegħu fuq il-lant tax-xogħol. Mingħajr ebda dubju, u l-istatistiċi jikkonfermaw dan, il-Gvern Malti serva ta’ eżempju f’dan ir-rigward hekk kif minkejja restrizzjonijiet li kellhom jiddaħħlu għall-kontroll tal-firxa tal-virus, ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna kompliet tonqos.
Għall-kuntrarju ta’ dak previst, fejn f’pajjiżna kellu jkun hawn mal-50,000 persuna qegħda kawża tal-impatt tal-virus, xahar wara l-ieħor, l-istatistiċi wrew mod ieħor. Dan ma sarx b’kumbinazzjoni ovjament. L-istimolu tal-gvern bil-covid wage supplement, il-vawċers u traħħis fil-kontijiet għan-negozji huma tlieta minn numru ta’ għajnuniet li servew ta’ bastun sod għas-settur tal-catering f’pajjiżna.
Minkejja dawn is-suċċessi, sfortunatament xorta kellek dawk li beżgħu mill-inċertezzi. Għadd ta’ ħaddiema għażlu li ma jissugrawx jibqgħu fuq dawn l-għajnuniet u jibdlu x-xogħol tagħhom f’settur li fi żmien il-pandemija kienu aktar stabbli. Din kienet l-akbar daqqa ta’ ħarta biex illum għandna l-maġġoranza tas-sidien tal-istabbilimenti li qegħdin isostnu dwar il-problema ta’ riżorsa umana. Kellek oħrajn li sfortunatament intilfu f’perjodu ta’ ftit ġimgħat minħabba d-deċiżjoni li dawk kollha li jaħdmu f’ċertu setturi li jagħtu servizz kellhom ikunu mlaqqmin b’obbligu minħabba l-persistenza tal-virus u l-fatt li pajjiżna sa mill-ewwel ġranet ħa l-pożizzjoni li t-tilqim kellu jkun is-soluzzjoni biex tiġi kkontrollata l-firxa tal-virus. Din id-deċiżjoni wasslet biex dawk li minħabba xi raġuni jew oħra ma ridux jieħdu l-booster, spiċċaw intilfu, b’għadd ta’ ħaddiema jagħżlu li jmorru lura f’pajjiżhom jew f’xi pajjiż ieħor biex ikomplu dan ix-xogħol.
Infatti skont studju riċenti ppubblikat mill-Assoċjazzjoni tal-Catering Maltija (ACE), 27 fil-mija tal-parteċipanti qalu li l-maġġoranza tal-ħaddiema li telqu għażlu li jmorru jaħdmu f’entitajiet governattivi, jew fis-settur tal-gaming, mentri oħrajn għażlu karriera fil-bejgħ inkluż dik tal-proprjetà.
Nemmnu li nistgħu nibqgħu sejrin nispjegaw dwar il-problema, iżda li ngħidu li għandna problema ma tantx se nitbiegħdu minn din ir-realtà. Ikun aktar għaqli jekk nitkellmu dwar soluzzjonijiet li għalkemm faċli biex jissemmew jew jinkitbu fuq il-karta, aktar diffiċli biex jiġu implimentati.
Bħala ġurnal dejjem sħaqna dwar id-dinjità tal-ħaddiema kollha fuq il-postijiet tax-xogħol. Kull ħaddiem, mill-iżgħar sal-akbar wieħed għandu jimtedd fuq l-imħadda b’serħan il-moħħ li għada se jkun jum ġdid ta’ ħidma li jissarraf fi qligħ ġust biex jgħix hu jew jgħejjex lil familtu. Barra minn hekk, fattur kruċjali huwa l-kuntentizza fuq il-post tax-xogħol. Ħadd m’għandu jmur għax-xogħol jaf li l-kundizzjonijiet tiegħu qegħdin iċaħħduh mid-dinjità.
Nemmnu wkoll li ma nistgħux nnaqqsu mill-mertu ta’ dawk li jagħmlu xogħlijiet li biex ngħidu hekk huma assoċjati ma’ persuni ta’ klassijiet fl-aktar postijiet baxxi fl-iskaluni tal-istratifikazzjoni soċjali tal-pajjiż. Nemmnu li jekk tmur f’ristorant, l-ikel imsajjar u mżejjen fl-aqwa forma tiegħu, jista’ jiġi servut biss jekk wara l-kok hemm dishwashers li jagħmlu sigħat imwaħħlin mas-sink, hemm waiters li jieħdu l-ordnijiet, kaxxiera li tieħu nota tal-ordnijiet u l-imwejjed, waiters oħrajn li jservu l-ikel, u forsi ħaddiema oħra li biex ngħidu hekk ikunu ta’ wara l-kwinti.
Fl-istudju kkwotat aktar qabel, l-ACE ppubblikat ukoll statistika dwar il-pagi f’dan is-settur. L-istudju sar fuq kwart tal-membri tal-assoċjazzjoni. Is-sidien tar-ristoranti kellhom sitt għażliet differenti ta’ pagi (wage bracket) għal kull kategorija biex jagħżlu minnhom. Ovjament dawn il-brackets joħolqu lok għal interpretazzjonijiet varji tar-riżultat. Nieħdu pereżempju l-waiters u l-bartenders li skont dawn il-bracket instab li jaqilgħu bejn €14,500 u €19,200. Il-mistoqsija tiġi waħidha … imma kemm minn dawn qegħdin max-xifer tal-€14,500? Jistgħu dawn il-ħaddiema jkampaw mal-għoli tal-ħajja b’din il-paga? Kemm minn dawn qegħdin jintalbu xi forma ta’ ħlas jew tnaqqis minn din il-paga biex wara shift jingħataw x’jieklu?
L-istess studju jgħid ukoll li sidien ta’ ristoranti indipendenti ta’ kull sena jħallsu commission fuq il-bejgħ u huwa stmat li kull impjegat f’ristorant ta’ kull sena jaqla’ €3,600 oħra f’tips. Għalkemm hawn sidien li jagħżlu li jagħtu dan il-ħlas, oħrajn jirrifjutaw u fil-verità m’hemm xejn li jobbligahom biex jagħtu dan il-ħlas meqjus bħala addizzjonali.
Min-naħa tagħhom uħud mis-sidien tar-ristoranti rreaġixxew għal dan l-istudju u qalu li dan l-istudju jneħħi l-perċezzjoni li l-problema tar-riżorsa umana ġejja minħabba sidien li jħallsu biċ-ċejċa. Uħud minnhom qalu li l-pagi f’dan is-settur iħabbtuha ma’ dawk f’setturi oħrajn. Oħrajn sostnew li r-raġuni ewlenija hija li l-Maltin ma jridux jaħdmu fis-sigħat li jirrikjedi dan is-settur minħabba li normalment dawn jaħdmu filgħaxijiet.
Tista’ tibqa’ tniżżel problemi u soluzzjonijiet li jeżistu, iżda nemmnu li s-soluzzjoni veru hija tista’ tintlaħaq b’diskussjoni veru li fiha jinġibed l-istess ħabel fl-aħjar interess tal-progress li jkompli jġib aktar xogħol u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema fis-settur.