Sunday, April 13, 2025

“Intaqqbilkom hawnhekk (sidirkom) u tinżlu”… qallu ma jħallsux u jieħu impjegati nisa fis-sodda

….każ ta’ fastidju sesswali li impjegata għaddiet minnu għal tmien xhur sħaħ

Aqra wkoll

Timmaġinak taħdem f’post tax-xogħol fejn it-tojlit ikun bla seat. F’post b’katusi miftuħin u b’kesħa tremenda tant li biex taħdem trid tieħu kutra biex  tnaqqas il-kesħa? Fis-sajf imbagħad il-post ikun bla arja kundizzjonata għax ir-remote control ma kinitx hemm biex ma jinħeliex dawl. Timmaġinak taħdem f’uffiċċju b’ġurdien fih? Dan kien il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema mara. Ma’ dan hi kellha tiffaċċja fastidju sesswali, li wassal biex hi ħassitha degradata u umilJata tant li kellha titlaq mill-post tax-xogħol.   Fost kliem li ingħad minn direttur ta’ din il-kumpanija lill-impjegata kien li “intaqqbilkom hawnhekk u tinżlu”, u dan b’referenza għal sider l-impjegati nisa”. Darba oħra qal lil sub contractor li kien qed jiftiehem miegħu biex iħallsu biex bħala ħlas jieħu lill-impjegata u kollega oħra fis-sodda”.  Tgħid li darba kellha bżonn tmur għand id-dentist u kienet avżat lid-direttur u mbagħad irċeviet ritratt ta’ mara anzjana bla snien, liema ritratt kien jgħid “No teeth means smooth ride”.  Wara qalilha li l-għarus tagħha kien iffortunat.

L-impjegata Kimberly fetħet proċeduri u għamlet allegazzjonijiet ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, vittimizazzjoni u ‘constructive dismissal’.  Tgħid li  hi giet impjegata mal-kumpanija fis-sena 2017 u li ġiet imwiegħda salarju ta’ €900 fix-xahar. Dan bil-patt li wara xahrejn jew tlett xhur ikun hemm żieda ta’ 2 fil-mija kummissjoni  fuq l-affarijiet li jinxtraw u 4 fil-mija kummissjoni fuq ‘slow moving items’. Iddikjarat li għal bidu kien kollox beda miexi sew, fejn kellha ‘hand over’ fuq il-marketing advertising, kienet iddisinjat it-tqassim tal-fiera ta’ Monte Kristo, u kif ukoll bdiet titgħallem fuq il-prodotti li jinbiegħu fil-ħwienet. 

Kimberly tkompli tgħid li wara li kienet għaddiet il-fiera ta’ Monte Kristo, direttur partikolari  kien ressqilha żewġ ordnijiet ta’ bibien ta’ ġewwa, li skont hi kienu ilhom ordnati qabel ma’ hi kienet bdiet l-impjieg tagħha mal-kumpanija. Enfasizzat li hi stess  ma kellhiex esperjenza fuq dawn it-tip ta’ ordnijiet u li kellha titgħallem kollox waħedha, u li dan kollu ħa ħafna ħin. Id-direttur kien beda jiffrustra ruħu minħabba dan id-dewmien, u hi kienet tgħidlu sabiex ifhemha fuq dawn l-ordnijiet.

Fl-affidavit tagħha, iddikjarat li dan id-direttur kien tkellem dwarha ma’ kollega tagħha b’mod degradanti, fejn allega “li jekk xi ħadd ikollu jagħmel labra ma’ sidri, sidri jinfaqa’ bħal bużżieqa”.. Tgħid li dan it-tip ta’ diskors kien sar ukoll ma’ ċertu impjegat ieħor  u li dan il-persuna ma għadux impjegat mal-kumpanija. 

Fl-affidavit tagħha, Kimberly tgħid li darba meta kienet ma tiflaħx u nzertat kienet maħnuqa, kien ċemplilha kollega  u d-direttur kien irrisponda t-telefonata hu, mingħajr il-kunsens tagħha, u għamel leħen ta’ mara, fejn tkellem b’mod xejn dinjituż dwar ir-raġuni għax kienet maħnuqa. Tgħid li għall-ħabta tal-bidu t’Awwissu tas-sena 2017, kellha bżonn tmur għand id-dentist u kienet avżat lid-direttur. Sostniet li dakinhar stess, kienet irċeviet ritratt ta’ mara anzjana bla snien, liema ritratt kien jgħid “No teeth means smooth ride”. 

Spjegat li ma kinitx taf x’se taqbad tgħidlu, u dan peress li kien il-prinċipal tagħha, u wieġbet, “ija issa ngħidlek lilek haha goodnight”, u li wara ftit id-Direttur jerġa’ jirrispondi billi jghid “hehe…. Matt must be  lucky guy”, u dan referenza għas-sieħeb tagħha. Id-direttur kien reġa’ bagħat messaġġ ieħor b’ritratt ta’ mara oħra bla snien li kien jgħid, “hehe…. ejja give me a smile”. Enfasizzat li biex iddawwar il-konversazzzjoni staqsietu jekk kienx ħa xi selfie, u l-konversazzjoni spiċċat hemm”.

Tgħid li d-direttur kien iwaqqa’ kollox għaż-żufjett meta xi ħadd ġibidlu l-attenzjoni u qallu b’ton taż-żufjett li dan kien fastidju sesswali. Fl-affidavit tagħha, qalet li meta kienet imsiefra f’Ottubru tas-sena 2017, id-direttur kien joqgħod jibagħtilha fejn kienet, u fejn kienet qiegħda tiġġerra, u li huma kienu xogħol, u kif ukoll meta kienet se tidħol lura. Meta xtrat il-vettura tagħha, Toyota IQ, id-direttur kien ukoll għadda rimarki b’ton sarkastiku, fejn beda jgħid li kienet xtrat dik il-vettura għax ma għandhiex IQ u cioe intelliġenza, u li kienet tikkumpensah bil-vettura. Dan id-diskors kien intqal mal-kollegi tagħha u kif ukoll quddiem xi klijenti.

Hi kienet tagħmel xogħol ta’ grafika bħal banners, mugs, djarji, T Shirts u oġġetti oħra. F’dan il-perjodu hi kienet tpoġġiet f’showroom li ma kellhiex faċilitajiet sanitarji tajba u adegwati. Kien hemm WC bla toilet seat, toilet paper bil-holder miksur, katusi miftuħin, u kesħa tremenda, fejn tgħid li kienet tieħu gverta magħha minħabba l-kesħa li kien hemm. L-arja kondizzjonata ma kinitx taħdem, għax ma kienux jixgħeluhulha minħabba li ma kienx hemm ‘remote control’, u dan biex ma jinħeliex dawl, u li saħansitra kien hemm ġurdien fil-kċina.  Fl-affidavit tagħha, semmiet nuqqasijiet oħra f’din is-showroom, bħal wires imdendlin mas-suffett, u mingħajr fire extinguishers. Sostniet li meta kienet  tlesti xi disinn li tkun għamlet, kienet tibgħat messaġġ permezz ta’ WhatsApp minħabba li kien hemm distanza minn din is-showroom għal fejn id-direttur u jekk dan id-disinn ikun għoġob lid-Direttur dan kien jibgħat ħafna bews permezz tal-messaġġi WhatsApp. 

Semmiet wkoll l-episodju ta’ meta marret għand id-dentist, u d-Direttur bagħtilha l-messaġġi u kif ukoll stampa ta’ mara anzjana fejn ikkummenta bil-kliem “no teeth smooth ride”. Qalet li ħassitha skomda meta rċeviet dawn il-messaġġi (WhatsApp).

Sostniet wkoll li d-direttur mhux l-ewwel darba li kien iċemplilha tard fil-ġurnata, meta tkun telqet mix-xogħol, u li kien ukoll jgħid lill-klijenti li mhux se tiddejjaq  tibagħtu jieħdu. Xi ħaġa li hi ċaħdet bl-aktar mod kategoriku. Qalet li “fl-aħħar ġurnata ta’ xogħol tagħha  meta kienet marret sabiex tgħaddi hand over tax-xogħol fl-uffiċċju tad-Direttur kien hemm preżenti wkoll sub contractor, u l-assistent tiegħu, u beda jsir id-diskors dwar il-ħlas lill-installer fejn dan qal li bħala ħlas jieħu lil Kimberly miegħu. Qalet li f’dak il-mument daħlet impjegata oħra,  fejn id-direttur qallu li ma jħallsu xejn u jieħu lill-Kimberly u lill-impjegata l-oħra fis-sodda.”

Qalet li mhux l-ewwel darba li kien jigi ftit qabel il-ħamsa, l-ħin li jkunu se jispiċċaw mix-xogħol u kienu jdumu aktar mill-ħamsa, u li jirrabja jekk kienu jitilqu fil-ħamsa, jiġifieri fil-ħin li kellhom jispiċċaw. Iddikjarat li  ma kienux jitħallsu overtime tal-ħin żejjed li kienu jdumu wara l-ħamsa. Tgħid li hi kienet bagħtet ittra ta’ riżenja u li kienet ġiet infurmata minn mart id-Direttur  li kellha jew taħdem in-notice jew tieħu l-leave, u ma titħallasx tan-notice. Tenniet li waslet sabiex tirriżenja mill-impjieg minħabba l-fastidju, u n-nuqqas ta’ rispett li kien hemm fuq il-post tax-xogħol.

Kimberly saħqet li din kienet esperjenza stressanti u umiljanti ħafna għaliha, u li kellha titlaq għax ma felħitx dan l-abbuż verbali, nuqqas ta’ gratitudni u rispett lejn il-ħaddiema. Sa dakinhar, u sad-data tal-affidavit tagħha, ma kienet tħallset la tan-notice period li ħadmet, u lanqas tal-kummissjonjiet li kienu dovuti lilha.

Id-direttur jgħid tiegħu

Id-direttur stqarr il-verżjoni tal-fatti tiegħu dwar din il-kwistjoni ta’ xogħol u beda biex irribatta dak li qalet Kimberly fejn sostna li ma kienx veritier li hi kienet imwiegħda żieda fil-paga fi żmien xahrejn jew tlett xhur minn meta tkun bdiet l-impjieg tagħha. Dwar il-kummissjonjiet sostna li hu minnu li hi kienet tingħata 2 fil-mija u 4 fil-mija bħala kummissjoni. Dwar il-kunsens bil-miktub li hi tagħmel xogħol privat,  qal li dan kien ingħata bħala sinjal ta’ rieda tajba mill-kumpanija u mhux li kien xi forma ta’ ftehim fil-kuntratt ta’ mpjieg kif tat l-impressjoni hi.

Hu ilmenta li hi kienet tgħajjar lill-kljenti tagħhom bħala “fitti”, “antipatiku”, “kiesaħ”, u “ma tafx x’inhi tghid”.  Saħaq li hi kienet ġiet impjegata sabiex tbiegħ il-prodotti tagħhom, u kif ukoll biex tagħti servizz dwar layouts u designs, però irriżulta maż-żmien li hi  ma kinitx qiegħda tagħti prestazzjoni adegwata. Dwar diskors mhux xieraq u pastaż, id-direttur ċaħad li qatt qal dan il-kliem, li seta’ qal kien kliem bħal “dejjaqtli għajni”, u dan seta` ntqal f’mument ta’ pressjoni ta’ xogħol. Qal li kienet hi li  naqset minn xogħolha u ppruvat titfa’ dan in-nuqqas fuqu.

Id-direttur ma nnegax li hu ġieli tilef is-sabar u dan sar minħabba l-inkompetenza u n-negliġenza tagħha.  Ċaħad ukoll il-fatt li sar xi kliem fuq il-bżieżaq kif sostniet Kimberly.  Ċaħad ukoll li qatt ħa xi telefon ċellulari ta’ xi ħadd u għamel leħen ta’ mara. 

Dwar l-episodju tad-dentist, id-direttur ma ċaħadx iżda jgħid li hi tat interpretazzjoni differenti tal-fatti hekk kif seħħew. Qal li dan l-espisodju hu totalment distakkat mill-kuntest u li hi trid tagħmillu l-ħsara b’mod intenzjonali.  Qal li dan iċ-ċajt kien isir bejn il-kollegi u li kien jgħaddi u ħadd qatt ma ħassu skomdu.  Rigward il-bews li ntbagħtu messaġġi, u li dan sar peress li fil-kumpanija kienet nibtet relazzjoni amikevoli, u li hu jitratta lill-impjegati bħala ħbieb.

Dwar il-kundizzjoni tal-post fejn kienet taħdem Kimberly, id-direttur ċaħad ukoll dan kollu u jisħaq li l-uniku ħaga li ma kienx hemm tiffunzjona kien ir-remote control, u li hu stess kien qalilha biex tagħmel kuntatt mal-fornitur sabiex jissewwa, xi ħaġa li hi ma għamlitx.

Id-Direttur ċaħad bil-qawwa kollha dak li allegat Kimberly li meta fl-aħħar ġurnata ta’ xogħol tagħha,  qal lis-sub-contartcor biex bħala ħlas jieħu lil Kimberly u lill-impjegata oħra fis-sodda. Qal li dan kollu kien ċajt ta’ ħaddieħor, u li Kimberly stess kienet tidħaq għal dan iċ-ċajt.

Dwar il-fatt li kien jibgħat il-bews fil-messaġġi lil Kimberly, id-direttur sostna li dan kien jibagħtu lil kulħadd, anke lill-irġiel, u dan għax fil-kumpanija kellhom din it-tip ta’ atmosfera u mhux xi tip ta’ dittatorjat. Ix-xhud sostna “mhux bewsa, imma hu biss emoji”. Rigward l-episodju tad-dentist, ix-xhud għad-domanda x’ried ifisser biha, saħaq li dan l-episodju kien biss ċajta, u xejn aktar. Saħaq li kien jiddispjaċih għal dak li għamel u li kien qiegħed jiskuża ruħu li għamilha. Ix-xhud saħaq li Kimberly kienet irrispondiet billi qaltlu “mela ħadt ritratt lilek innifsek”. Baqa’ jsostni li ma jistax jifhem kif hi kienet ħadet għaliha b’din iċ-ċajta wara tminn xhur li kienet telqet minn miegħu.  Insista li din kienet ċajta u xejn aktar u bla ebda konnotazzjoni sesswali. Kulħadd iżda seta’ jinterperetaha kif irrid hu, sostna d-Direttur. Dwar ir-ritratt ta’ xiħa bla snien u li iżda miegħu żied il-kliem li xi ħadd kien iffortunat (“Matthew must be one lucky man tonight”), bid-Direttur jgħid li  la qegħdin tarawha hekk allura tiġi ċajta ta’ natura sesswali.

Jixhed impjegat ieħor….

Impjegat ieħor sostna li d-direttur ma kellux attitudni tajba mal-impjegati, u li f’disa’ xhur li dam impjegat mal-kumpanija kien ra ħafna bdil ta’ impjegati. Dan l-impjegat sostna li hu kien spiċċa b’dipressjoni, u dam madwar xahar sabiex irkupra.  Dan l-istess impjegat qal li kien sema’ lid-direttur jgħid li “intaqbilkom hawnhekk u jinżlu”, u dan b’referenza għal sider l-impjegati. Qal li kien kellem lid-direttur li dan ma kienx kliem li jgħid lill-impjegati. Ix-xhud ikkonferma li l-kelma “intaqbilkom” kienet b’referenza għal sider l-impjegati. Ix-xhud sostna li dan kollu kien semgħu hu mill-uffiċċju tiegħu, u għalhekk kien iddeċieda li jkellem lid-direttur fejn semgħu jgħid li “dejjaqtuli u hu uża l-kelma z”.

Dan l-istess xhud qal li Kimberly  kienet tkellmet miegħu u kif ukoll 

Ix-xhud qal li dwar l-aħħar ġurnata ta’ xogħol ta’ Kimberly rrimarka li kien hemm wieħed li jagħmel l-aluminju fejn kien hemm impjegata oħra u kienu qegħdin jitkellmu fuq il-pagamenti. Id-direttur qal lil dan tal-aluminju li kien se jħallsu b’din l-impjegata, “I pay you with her”.

It-Tribunal jgħid li l-messaġġ ta’ xiħa bla snin u l-fatt li kkummenta 

fuq l-għarus ma kienx ċajta

Fil-konsiderazzjoni tiegħu, it-Tribunal qal li “hu tal-fehma li l-komportament tad-Direttur ma kienx gradit minn Kimberly u l-messaġġ li hu bagħtilha ta’ mara xiħa bla snien u li kkumenta dwar il-fatt li l-għarus tagħha kien iffortunat, jindika li l-intenzjoni tiegħu kienet ben diversa minn ċajta. It-Tribunal aktar hu tal-fehma li dan sar sabiex jirredikolaha.  B’dan it-tip ta’ atteġġjament żgur li ma ħassithiex komda u kif ukoll kienet skomda għall-fatt li dan il-messaġġ kien ġej direttament mingħand il- prinċipal tagħha. Impjegata tħossha skomda meta l-istess prinċipal tagħha jissoġġettaha għal din it-tip ta’ sitwazzjoni. Impjegati li jesperjenzaw din it-tip ta’ sitwazzjoni se jħossuhom skomdi ġaladarba dik it-tip ta’ kondotta mhux milqugħa mingħamdhom.  L-azzjonijiet tiegħu kienu qegħdin idejquha u dan billi ħassitha umiljata, degradata, apparti li din it-tip ta’ kondotta ikkreat ambjent offensiv fuq il-post tax-xogħol għall-Kimberly.

It-tribunal qal li “matul is-smiegħ ta’ din il-kwistjoni ta’ xogħol, kien qed joħloq ambjent intimidatorju fuq il-post tax-xogħol. It-Tribunal jinnota li żewġ xhieda,  kienu skomdi ħafna matul ix-xhieda tagħhom waqt il-kontro-eżami. Waħda mix-xhieda meta ġiet mistoqsija jekk ġietx imġiegħla biex tagħmel l-affidavit, din ix-xhud, wara ħafna eżitazzjonijiet, stqarret li kien hemm preżenti id-Direttur meta hi għamlet dan l-affidavit.

Intqal li “dan it-Tribunal hu tal-fehma li l-episodji li ġew spjegati, joħroġ ċar li Kimberly kienen suġġetta għal din it-tip ta’ kondotta da parti tal-prinċipal. Kemm il-messaġġ tal-mara xiħa bla snien li l-principal bagħat lil Kimberly u l-kliem bil-fomm li hu qal, u dan b’referenza għal meta għadda rimarki tal-labra li jifqa’ sider Kimberly huma ċirkostanzi fejn hi ħassitha umiljata u kif ukoll li tali kondotta ma kinietx mixtieqa minnha.

“Dwar it-terminazzjoni kostruttiva (constructive dismissal), dan it-Tribunal iħoss li mpjegati li jkunu suġġettati għal dan it-tip ta’ komportament żgur li mhux se jibqgħu f’dan it-tip ta’ ambjent tossiku fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Ambjent fuq il-post tax-xogħol bħal dak ta’ din il-kwistjoni ta’ xoghol joħloq inkonvenjenti kbar u jista’ jwassal ukoll, f’ċertu ċirkostanzi, għal dipressjoni jew ansjetà u kif ukoll xi forma ta’ mard mentali. 

It-Tribunal qal li Kimberly soffriet fastidju u dan bi ksur ta’ artikolu 29 tal-Kap 452 tal-Ligijiet ta’ Malta u r- Regolament 3 ta’ L.S. 452.95. Hi tterminat l-impjieg tagħha minħabba l-kondotta xejn dinjituża tad-Direttur  u għalhekk dan jammonta għal ‘constructive dismissal’. Il-kumpanija kienet ikkundannata  tħallas €4,000  lil Kimberly  fi zmien xahar mid-data ta’ din id-deċiżjoni, u dan wara li dan it-Tribunal ħa wkoll inkonsiderazzjoni tal-fatt li hi damet fl-impjieg għal tmien xhur biss.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport