Wednesday, October 9, 2024

Intefqu 57.8% mill-vawċers tal-Gvern b’attività ekonomika totali ta’ €37.3 miljun

Aqra wkoll

Fit-8 ta’ Awwissu ntużaw 54,000 vawċers b’valur ekwivalenti ta’ €1,080,000

Minn Maria Azzopardi 

Sa mill-bidu li bdew jitqassmu l-vawċers ta’ €100, miżura li l-gvern kien ħabbar bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni u biex tiġi stimulata l-attività ekonomika, inħarġu total ta’ 2.23 miljun vawċer b’investiment min-naħa tal-gvern ta’ €44.6 miljun. Sa issa, mit-total tal-vawċers intużaw 1.29 miljun minnhom (57.8%) u, kif tħabbar ftit tal-jiem ilu, id-data tal-iskadenza tagħhom ġiet estiża sa Ottubru. B’inqas minn 60% fl-użu tal-vawċers l-ispiża ġġenerata minnhom biss kienet ta’ €25.8 miljun, filwaqt li l-ispiża addizzjonali mal-vawċers kienet ta’ €11.5 miljun biex it-total ta’ attività ekonomika s’issa kien ta’ €37.3 miljun.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri f’konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ta rendikont marbut ma’ din il-miżura.

Il-Ministru Schembri spjega li s-somma ta’ madwar €26 miljun ġiet iġġenerata permezz tal-vawċers biss iżda eventwalment din l-ispiża ġġenerat spiża ekonomika akbar. Dan għaliex, meta wieħed janalizza l-informazzjoni marbuta mal-vawċers il-ħomor, għal kull €20 kien hemm infiq addizzjonali ta’ €7.16. Sal-ewwel ta’ Settembru kien hemm 1.07 miljun vawċer aħmar li jammontaw għal €21.4 miljun. L-ispiża addizzjonali li ntefqet meta l-persuni utilizzaw il-vawċers il-ħomor kienet tilħaq is-€7.7 miljun. Dan ifisser li sa issa l-attività ekonomika ġġenerata mill-vawċers il-ħomor biss kienet ta’ €29.1 miljun.

Min-naħa l-oħra, meta wieħed janalizza l-informazzjoni marbuta mal-użu tal-vawċers il-blu, wieħed jista’ jara li l-effett multiplu kien akbar fejn għal kull €20 kien hemm nefqa addizzjonali ta’ madwar €16.42. Dan ifisser li attività mill-vawċers ta’ €4.6 miljun ġabet attività addizzjonali ta’ €3.8 miljun għal total ta’ €8.4 miljun.

Il-Ministru Schembri qal li din kienet skema li ntlaqtet tajjeb ħafna kemm mill-pubbliku inġenerali kif ukoll min-negozji li ntlaqtu mill-pandemija minħabba n-nuqqas ta’ attività. Huwa spjega li minn meta bdiet il-pandemija t-tfaddil tan-nies (savings) żdied b’9 darbiet aktar minn qabel u l-probabiltà kienet li jekk ingħata cheque minflok vawċers, dawn kienu jitfaddlu wkoll u għalhekk l-iskop li jkun hemm stimolu tal-ekonomika ma kienx jintlaħaq.

Il-Ministru Schembri qal li l-aktar darba li s’issa intużaw vawċers f’ġurnata waħda kien fit-8 ta’ Awwissu fejn intużaw 54,000 vawċer ekwivalenti għal valur ta’ €1,080,000. Il-medja ta’ vawċers li jintużaw matul il-ġurnata tas-Sibt huwa ta’ 46,000. 

B’kollox hemm 5,616 ħanut li rreġistra u qed juża l-vawċers li 1,447 minnhom huma dawk li jaċċettaw il-vawċers il-ħomor (ristoranti, bars, diving schools), 2,904 ħanut li jaċċetta l-vawċer il-blu u 89 stabiliment li jaċċetta ż-żewġ tipi ta’ vawċers (bħal f’każ ta’ lukanda fejn ikollhom ristorant li jaċċetta l-vawċer l-aħbar u ħanut tax-xagħar li jaċċetta l-vawċer il-blu).

Sport