Wednesday, December 25, 2024

Inter Club Pupi Zanetti Malta jiċċelebra l-10 sena anniversarju bil-kbir

Aqra wkoll

Inter Club Pupi Zanetti Malta qed jiċċelebraw l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tagħhom. Dan hu grupp ta’ partitarji ta’ Inter f’pajjiżna li kulma jmur dejjem qed jikber.

Kellimna lill-president ta’ Inter Club Pupi Zanetti Malta Paul Fenech li tana wkoll xi aħbarijiet u aktar informazzjoni dwar l-operat tal-klabb.

“Nista’ ngħid li f’dawn l-aħħar għaxar snin għamilna l-mirakli. Dan hu wieħed mill-akbar klabb ta’ partitarji ta’ tim Taljan f’Malta u l-iktar wieħed li ġab plejers u eks-plejers stabbiliti f’pajjiżna għal żjara qasira. Biss biss ngħidlek li minn Diċembru sa Mejju se nkunu ġibna erba’ plejers bil-partitarji Maltin li jkunu ħerqana għal dawn it-tip ta’ żjarat.”

Fil-fatt, Inter ġabu lil Giancarlo Pasinato f’Diċembru li għadda u matul din il-ġimgħa se jilqgħu fosthom lil Evaristo Beccalossi, eks-plejer ta’ nofs il-grawnd Nerazzurro li lagħab ma’ diversi klabbs għalkemm spikka ma’ Inter fejn rebaħ il-kampjonat tas-serie A Taljan kif ukoll il-Coppa Italia.

Illum il-ġurnata, Beccalossi għandu 67 sena u riċentement ippubblika ktieb bl-isem ta’ “La mia vita da numero 10” li fih hemm awtobijografija li tieħdu lura għas-snin sebgħin u tmenin meta kien jilgħab u fejn iltaqa’ ma’ ħafna avventuri sbieħ u inqas sbieħ fil-grawnd.

“Beccalossi ġej f’Malta bil-ktieb tiegħu li naf ċert li ħafna Interisti se jippruvaw jakkwistaw kopja tiegħu ta’ dan il-plejer li tant kiteb l-istorja ta’ dan il-klabb glorjuż tagħna.”

Fenech qal li fl-10 ta’ Marzu li ġej kienu se jġibu plejer li hu ferm popolari mal-partitarji Interisti iżda din iż-żjara se tiġi posposta minħabba li ż-żmien kien se jkun ferm qasir u għalhekk jippreferi ssir wara Ġunju.

“Kieku dan il-plejer ikkonferma, konna nkunu ġibna ħames plejers lejn pajjiżna li hu numru rekord għall-klabb ta’ partitarji Maltin bħal tagħna.”

Paul Fenech Percius jgħid li l-ħbiberija mal-eks stilla ta’ Inter Javier Zanetti hi fundamentali sabiex numru ta’ plejers Nerazzurri jiġu jżuru pajjiżna.

“Javier Zanetti hu bniedem umli ħafna li miegħu għandu relazzjoni speċjali ħafna. Personalment hu bniedem li ma nistax ma nammirahx għax apparti t-talent li kellu fil-grawnd, għandu karattru u personalita’ mill-aqwa.”

“Kull meta Javier Zanetti jiġi f’pajjiżna hu dejjem ikun kuntent hawnhekk minħabba li mhux biss il-partitarji ta’ Inter iżda wkoll aktar segwaċi tal-futbol Maltin jilqgħuh bl-aqwa mod possibbli filwaqt li jibqgu mistagħġba bil-karattru umli u sempliċi tiegħu. Dan kollu jagħmel lil Zanetti bħala bniedem uniku fejn minkejja li rebaħ ħafna trofej, hu qatt ma kibritlu rasu.”

“Personalment ukoll meta plejer jew eks-plejer jiġi f’Malta nipprova nibni relazzjoni professjonali miegħu mhux ġie u daqshekk. B’hekk int tibni aktar kuntatti u fuq kollox tibqa’ iktar aġġornat ma’ dawn il-personalitajiet. Nipprova nibni rapport uman, immorru nieklu jew nieħdu kafe u hekk din tkun ħbiberija ħajja. Nemmen li dan hu wieħed mill-fatturi ta’ suċċess li bħala klabb nistgħu niftaħru bih.”

Eżatt wara li jgħaddi Mejju, il-klabb Malti se jipprova jkompli jorganizza aktar attivitajiet sabiex ikompli jiċċelebra l-għaxar anniversarju.

“F’Mejju jekk kollox jibqa’ kif inhu fil-futbol Taljan, se nkunu qed niċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat Taljan tas-serie A u allura nħitu t-tmien stilla fil-flokk glorjuż tagħna.”

Intant Fenech qalilna li l-ikla ta’ Evaristo Beccalossi se ssir nhar is-Sibt li ġej 17 ta’ Frar f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema fejn il-prezz hu dak ta’ €30 li jinkludi ikel, inbid, luminata u ħelu filwaqt li hemm ukoll parkeġġ fil-lukanda stess. Kull min jixtieq jiġi għal din l-ikla hu mitlub biex javża lill-kumitat sal-Ħamis filgħodu sabiex ikunu jafu n-numru eżatt ta’ mistednin. Fuq kollox din l-ikla se sservi sabiex dak li jkun jista’ jissieħeb ma’ dan il-klabb tul l-istaġun li ġej.

“Bħalissa qed nagħlqu l-applikazzjoni ta’ sħubija għax normalment aħna niftħu l-applikazzjoni f’Ġunju meta jibda staġun ġdid.”

“Aħna nħeġġu lill-partitarji Maltin ta’ Inter sabiex jissieħbu magħna f’dan il-klabb li għadu kemm għalaq għaxar snin u li qed ikompli jikber dejjem aktar. Is-sehem tiegħek jagħmel dan il-klabb aktar ħaj.”

Ekonomija

Sport