Sunday, November 24, 2024

Inter fil-finali tal-Coppa Italia b’goal kmieni

Aqra wkoll

Inter għaddew għall-finali tal-Coppa Italia wara rebħa ristretta ta’ 1-0 kontra Juventus f’San Siro.

Wara d-draw 1-1 fl-ewwel leg tas-semi-finali, kien Federico Dimarco li skorja l-goal deċiżiv għall-holders Inter wara 15-il minuta.

Id-difensur xellugi sab ix-xibka wara li rċieva ballun preċiż mingħand Nicolo Barella.

Wara l-ewwel leg sħuna u kontroversjali ħafna f’Turin, il-coach Interista, Inzaghi, għażel li jħalli lil Romelu Lukaku fuq il-bank tas-sostituti.

Il-player li jinsab misluf mingħand Chelsea tkeċċa għax iċċelebra quddiem il-partitarji tal-Bianconeri wara li skorja penalty fil-95 minuta fl-ewwel leg, rispons għal abbuż razzjali mill-partitarju avversarji.

Madankollu, Lukaku kellu s-sospensjoni tiegħu maqluba mill-Federazzjoni Taljana bħala miżura biex tiġġieled ir-razziżmu.

L-attakkant tal-Belġju daħal bħala sostitut fit-68 minuta hekk kif Inter żammew b’mod komdu kontra t-team ta’ Juventus li ftit li xejn  kien ta’ theddida fl-attakk.

Inter issa se jilagħbu kontra Fiorentina jew Cremonese, li lagħbu l-bieraħ, fil-finali tal-24 ta’ Mejju.

Sport