Iċ-champions renjanti tas-Serie A, Inter, laħqu ftehim ma’ Lautaro Martinez biex jestendu l-kuntratt tal-attakkant dan is-sajf.
Iż-żagħżugħ ta’ 24 sena skorja l-ewwel goal tiegħu fl-istaġun il-ġdid hekk kif in-Nerazzurri dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Hellas Verona 3-1 barra minn darhom fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Wara t-tluq ta’ Romelu Lukaku ma’ Chelsea, Inter kienu ħerqana li jżommu lill-Arġentin, li kien mistenni jara l-kuntratt tiegħu jiskadi fl-2023.
Martinez issa qabel li jestendi l-kuntratt tiegħu b’erba’ jew ħames snin, li jiswa madwar £6m kull staġun flimkien ma’ bonuses.
Hemm ftehim sħiħ bejn iż-żewġ naħat u fadal biss il-firma tal-player biex il-ftehim ikun finalizzat.
Martinez ġie marbut ma’ pass lejn il-Premier League dan is-sajf, bir-rivali ta’ Londra Tottenham Hotspur u Arsenal maħsuba li esprimew l-interess tagħhom, iżda issa huwa lest li jimpenja l-futur tiegħu man-Nerazzurri.
L-ex attakkant ta’ Racing Club gawda minn staġun impressjonanti 2020-21 għaċ-champions Taljani, fejn skorja 19-il gola u pprovda 11-il assist f’48 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha.