Inter rebħu l-Coppa Italia għat-tmien darba meta fil-finali, li ntlagħbet fi Stadio Olimico, għelbu lil Juventus bl-iskor ta’ 4-2 wara l-ħin barrani.
Kienu Inter li kellhom bidu mill-aqwa meta wara biss seba’ minuti huma fetħu l-iskor hekk kif Nicola Barella venven kanunata minn tarf il-kaxxa li spiċċat fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.
Iżda Juventus dawru l- iskor favur tagħhom f’temp ta’ żewġ minuti.
Fil-51 minuta, kien Alex Sandro li kiseb id-draw wara li rċieva mingħand Alvaro Morata u fit-53 minuta, minn kontrattakk veloċi kien Dusan Vlahovic li xeħet lill- Bianconeri fil-vantaġġ meta għeleb lill-goalkeeper, Samir Handanovic, mir-rebound wara li l-goalkeeper Interista salva parzjalment l-ewwel tentattiv tiegħu.
Peró, fit-80 minuta Inter kisbu d-draw minn penalty ta’ Hakan Calhanoglu biex il-partita kellha tmur fil-ħin barrani.
Fit-98 minuta, Ivan Perisic tefa lil Inter fil-vantaġġ minn penalty wara li twaqqa’ Stefan Di Vrij fil-kaxxa u l-istess Perisic (102) aċċerta r-rebħa meta skorja r-raba’ goal tan-Nerazzurri meta xeħet fis-saqaf tax-xibka mill-pass ta’ Federico Dimarco.