Wednesday, December 25, 2024

Inter u Milan jikkonfermaw pjani għal stadium ġdid

Aqra wkoll

Milan u Inter ikkonfermaw li huma mgħaġġla biex jibnu stadium ġdid u se jagħżlu l-aktar proġett ta’ malajr anke jekk dan ifisser li jċaqilqu d-dar il-ġdida tagħhom barra l-belt ta’ Milan.

Iż-żewġ clubs Milanisti approvaw proġett biex jibnu l-istadium il-ġdid tagħhom fiż-żona ta’ San Siro fl-aħħar tal-2021. Madankollu, dak l-istadium il-ġdid mhux se jkun lest qabel l-2027 peress li ċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi tax-Xitwa tal-2026 se ssir fi Stadio Meazza.

Kien hemm rapporti ta’ proġett alternattiv għal stadium ftit barra Milan, fil-belt ta’ Sesto San Giovanni. Is-Sindku kkonferma l-proġett ftit tal-ġimgħat ilu u kemm Inter kif ukoll Milan issa kkonfermaw li jistgħu jiddeċiedu li jitbiegħdu mill-belt ta’ Milan.

“Stennejt xi ħaġa aktar mgħaġġla, speċjalment meta wieħed iqis li qegħdin f’Milan,” qal il-president ta’ Milan, Paolo Scaroni.

“L-istadium il-ġdid huwa għal kulħadd, mhux biss għall-partitarji. Madankollu, aħna konxji li l-burokrazija fl-Italja m’hijiex ta’ għajnuna. Inter u Milan għandhom l-istess viżjoni u ambizzjoni. Stadium ġdid huwa ingredjent fundamentali għall-belt bħal Milan.

“Il-problema hi li dan il-proġett huwa ta’ Inter u Milan u mhux tal-muniċipalità ta’ Milano. Waħda mir-raġunijiet li qed infittxu alternattivi barra l-belt hija li l-proġett ikun aktar mgħaġġel. Aħna mgħaġġlin biex ikollna stadium ġdid.”

Id-direttur ta’ Inter, Alessandro Antonello, jaqsam l-istess fehma. “Aħna konxji li s-sistema mhix ta’ għajnuna, speċjalment fl-infrastrutturi sportivi,” huwa żied jgħid.

“Għandna bżonn iċ-ċertezzi għax l-inċertezza hija diffiċli biex tiġi aċċettata għall-investituri. Qed nistennew l-approvazzjoni tal-proġett. Id-dibattitu pubbliku huwa meħtieġ għat-trasparenza, iżda bliet Ewropej oħra jaraw stadium lest fi tliet snin.

“Jeħtieġ li jkollna alternattiva għaliex il-mira tagħna hija li jkollna stadium ġdid kemm jista’ jkun malajr.”

Is-Sindku ta’ Milan, Beppe Sala, tefa’ dokument iffirmat mid-diretturi ta’ Milan u Inter il-ġimgħa li għaddiet fejn ikkonfermaw l-impenn tagħhom għal stadium mibni fiż-żona ta’ San Siro. Madankollu, il-proġett irid jiġi approvat wara dibattitu pubbliku li jinvolvi ċ-ċittadini, u b’hekk il-proċess isir ħafna aktar fit-tul. 

Ekonomija

Sport