Monday, November 4, 2024

Interconnect Malta tilqa’ l-approvazzjoni tal-istudju ambjentali ta’ Interconnector 2 mill-ERA

Aqra wkoll

Interconnect Malta (ICM) tilqa’ d-deċiżjoni tal-Awtoritá għall-Ambjent u r-Riżorsi li tapprova l-istudju ambjentali ta’ Interconnector 2, it-tieni konnessjoni elettrika li ser taqsam taħt il-baħar bejn Malta u l-Italja.

Il-konklużjoni tal-istudju tal-impatt ambjentali (environmental impact assessment – EIA) u l-approvazzjoni tiegħu mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) huma pass ieħor ‘il quddiem fl-ippjanar tat-tieni interkonnessjoni ta’ Malta mal-kumplament tal-Ewropa, filwaqt li jaffermaw li din l-infrastruttura ġdida mhux se jkollha impatti negattivi fuq l-ambjent fuq l-art u fil-baħar. 

L-istudju tal-impatt ambjentali, li tlesta aktar kmieni din is-sena, jinkludi analiżi fil-fond tal-impatti li l-proġett jista’ jħalli fuq l-ambjent, inkluż l-ekoloġija, arkeoloġija, il-baħar u l-ġeoloġija. Fuq medda ta’ sitt xhur, aktar minn għaxar esperti minn oqsma differenti analizzaw it-tagħrif li nġabar waqt is-survey marittimu u l-front-end engineering design tal-proġett, li saru riċentament, filwaqt li ġabru aktar tagħrif, sabiex ikkonkludew din l-analiżi ambjentali, li tinkludi 12-il studju xjentifiku u tekniku. L-EIA jirrakkomanda wkoll għadd ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ xi impatti waqt it-twettiq tal-proġett.

Ing. Ismail D’Amato, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Interconnect Malta, spjega li l-Kumpanija ddiskutiet dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni mal-ERA, u se tiżgura li jiddaħħlu fil-pjanijiet tat-twettiq tal-proġett. 

“Interconnector 2 huwa proġett importanti għall-futur tas-sigurtà u s-sostenibilità ambjentali tas-settur tal-enerġija f’Malta, hekk kif jipprovdi għad-domanda tal-elettriku tal-futur, anke biż-żidiet tal-elettrifikazzjoni, filwaqt li jwitti t-triq għall-mira tal-Gvern li jkompli jżid l-enerġija rinnovabbli fuq l-art u fuq il-baħar fis-snin li ġejjin. B’hekk, it-tieni Interconnector ser ikompli jixpruna l-investiment fl-enerġija nadifa. Permezz ta’ dan l-istudju tal-impatt ambjentali, ridna li niżguraw il-ħarsien ambjentali anke waqt li din l-infrastruttura tkun qed tiġi żviluppata,” qal Inġ. D’Amato. 

Interconnect Malta se tkompli tikkollabora mal-Awtorità tal-Ippjanar u awtoritajiet oħra f’Malta u l-Italja biex tikkonkludi l-proċess tal-permessi għal dan il-proġett importanti. Il-Kumpanija lestiet ukoll EIA simili għal dak li sar f’Malta biex tqis l-impatti tal-proġett fuq l-art u fil-baħar fi Sqallija. 

Wara li identifikat u analizzat ir-rotta preliminari tal-proġett fl-2022, bħalissa l-Kumpanija qed tlesti l-proċess tal-front-end engineering design, li qed jipprovdi d-dettalji tekniċi meħtieġa biex tkun tista’ toħroġ is-sejħiet għall-offerti finali għall-apparat meħtieġ u għall-iżvilupp u l-ikkummissjonar tal-cable taħt il-baħar u s-sistemi tiegħu fuq l-art. Fid-dawl ta’ dan, aktar kmieni dan ix-xahar Interconnect Malta ħarġet prior information notice (PIN) għall-akkwist ta’ żewġ shunt reactors u transformer biex jiġu installati fit-terminals tal-Interconnector il-Magħtab u Ragusa. Lista tas-sejħiet kollha għall-offerti meħtieġa għal dan il-proġett tinsab fuq il-websajt tal-Kumpanija.

Interconnector 2 se jkun interkonnessjoni ta’ 118-il kilometru, 225MW HVAC, li tinkludi 99 kilometru ta’ cable f’qiegħ il-baħar, u se jopera b’vultaġġ ta’ 220 kilovolt bejn Malta (il-Magħtab) u l-Italja (Ragusa, Sqallija). Se jitqiegħed f’distanza sigura lilhinn mill-ewwel interconnector bejn iż-żewġ pajjiżi, li beda jopera fl-2015. 

Dan il-proġett se jikkonsolida s-sigurtà tal-provvista billi jirdoppja l-interkonnessjoni li għandha Malta bħalissa man-netwerk Ewropea. Fl-istess waqt, se jippermetti iżjed investiment fl-enerġija rinnovabbli billi jagħti l-kapaċità ta’ riserva meħtieġa biex jilqa’ għall-intermittenza tal-enerġija rinnovabbli. B’hekk, Interconnector 2 se jikkontribwixxi għall-kisba tal-miri tal-pajjiż dwar il-klima, għal kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Il-Proġett jista’ jkun parzjalment iffinanzjat mill-programm 2021-2027 tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea.   

Sport