Monday, July 15, 2024

Interconnect Malta tippubblika t-tender għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cable taħt il-baħar

Aqra wkoll

Il-proġett tat-tieni interconnector, magħruf ukoll bħala IC2, laħaq stadju importanti ieħor hekk kif ġie ppublikat it-tender għall-parti ta’ taħt il-baħar għall-proġett tat-tieni interconnector b’valur ta’ €185 miljun. Dan it-tender, ppublikat minn Interconnect Malta (ICM), l-entità li qed tmexxi dan il-proġett, hu ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm tal-Finanzjament għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew 2021-2027.

F’Mejju, ICM kienet ħarġet Avviż ta’ Informazzjoni Preliminari (PIN) għat-tender bħala parti mill-proċess biex tinforma s-suq dwar it-tender imminenti.

ICM tinsab ukoll fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ żewġ tenders oħra li jifformaw parti mill-proġett usa’ IC2. L-ewwel tender huwa għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cables fuq l-art, f’Malta u fl-Italja. It-tieni tender huwa għad-disinn, provvista u installazzjoni ta’ Autotransformer u Shunt Reactors li ġew ippubblikati aktar kmieni din is-sena. Għaż-żewġ tenders ipparteċipaw fih kumpaniji rispettabbli, ta’ fama u b’esperjenza vasta fl-industrija.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, Interconnect Malta u l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, iltaqgħu mal-President tar-Reġjun ta’ Sqallija Dr. Renato Schifani biex jiddiskuttu l-applikazzjoni tal-permessi tal-IC2. Il-Ministru Dalli spjegat li t-tieni interconnector issa qed jidħol f’fażi importanti oħra.

“It-tieni interconnector mhux biss huwa mmirat biex jipprovdi aktar sigurtà tal-provvista billi jtejjeb il-prinċipju n-1 iżda se jippermetti wkoll lill-pajjiż itejjeb il-miri tiegħu tal-enerġija rinnovabbli. Fil-fatt, bl-ikkummissjonar tat-tieni interconnector, Malta se tkun tista’ żżid aktar rinnovabbli fil-mix tal-enerġija tagħha, kemm fuq l-art kif ukoll fuq skala kbira offshore. Dan minħabba li din il-konnessjoni se tipprovdi buffer real-time għan-nuqqas ta’ kontinwità tar-rinnovabbli.” qalet il-Ministru.

Il-proġett tat-tieni interconnector se jara l-installazzjoni ta’ cable elettriku b’ vultaġġ għoli ta’ 121 kilometru, inkluż cable taħt il-baħar ta’ 99 kilometru, li se jgħaddi lejn l-art permezz ta’ żewġ proċeduri ta’ Horizontal Direction Drilling.

“Il-ħruġ tat-tender għall-parti taħt il-baħar huwa milestone importanti għall-proġett IC2. Dan isegwi żewġ tenders oħra li ġew ippubblikati aktar kmieni din is-sena u li attiraw atturi importanti fl-industrija. IC2 huwa proġett ta’ importanza nazzjonali li se jikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi tal-pajjiż.” qal Dr. Inġ. Joseph Vassallo, Divisional Manager ta’ ICM.

Informazzjoni dwar IC2
Il-Proġett ġie approvat għall-finanzjament tal-ERDF speċifikament taħt il-Priorità 2 ‘Promozzjoni tat-tranżizzjoni enerġetika nadifa u ġusta, il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma mormi u l-investiment aħdar’ u l-Objettiv Speċifiku 2.3 ‘Żvilupp ta’ sistemi intelliġenti tal-enerġija, grids u ħżin barra min-netwerk TEN-E’.

Dan il-proġett ġie ddikjarat bħala ‘Operazzjoni ta’ Importanza Strateġika’ minħabba l-kontribut sinifikanti tiegħu għall-kisba tal-prijoritajiet nazzjonali għall-Programm 2021-2027. Il-finanzjament tal-ERDF allokat għall-Proġett jammonta għal €165 miljun u se jkopri aktar minn nofs l-ispejjeż totali tal-investiment li hu stmat madwar €300 miljun.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport