“L-interess u l-konkorrenza qawwija juru li l-kuntratturi u żviluppaturi privati emmnu u wrew fiduċja fil-proċess kompetittiv imniedi mill-Fondazzjoni. Din l-inizjattiva tad-djar affordabbli hija intiża biex fi żmien qasir tqiegħed fis-suq mijiet ta’ djar bi prezzijiet affordabbli, jiġifieri madwar 30% inqas meta mqabbla mal-prezz tas-suq ta’ appartamenti simili.”
Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, Jake Azzopardi, f’għeluq is-sejħa ta’ interess ippubblikata mill-Fondazzjoni b’rabta mal-inizjattiva ta’ bejgħ ta’ appartamenti affordabbli.
Is-settur privat kien mistieden jissottometti offerti għad-disinn u l-iżvilupp ta’ bini li se jitpoġġew fis-suq bi prezz affordabbli. B’kollox kien hemm ħdax-il offerta sottomessa minn seba’ kumpaniji differenti. Il-kumpaniji li ssottomettew l-offerta tagħhom huma: Cast Renting Ltd, Vassallo Builders Ltd., A.M. Developments Ltd., Green Building Solutions Ltd., Bonnici Bros Services Ltd., Eclipse JV u JAJ Contractors Ltd.
Issa l-proċess se jgħaddi f’idejn il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni indipendenti magħmul minn esperti li se jevalwaw l-offerti fuq kriterji stabbiliti ta’ kwalità, sostenibbiltà u prezz.
L-Inizjattiva Djar Affordabbli
… Bini ta’ 260 appartament f’erba’ siti
F’Lulju ta’ din is-sena l-Fondazzjoni nediet l-Inizjattiva Djar Affordabbli li għandha twassal għall-bini ta’ mhux inqas minn 260 appartament. Dawn l-appartamenti se jkunu mifruxin f’erba’ siti li l-Fondazzjoni kisbet mingħand l-Awtorità tad-Djar fi trasferiment li kiseb l-appoġġ unanimu tal-Gvern u l-Oppożizzjoni fil-Parlament. Is-siti ta’ daqsijiet varji jinsabu fil-Fgura, Marsaskala, Ħal Kirkop u Ta’ Giorni San Ġiljan. L-għan tal-inizjattiva huwa li dawn l- appartamenti jinbiegħu 30% inqas mill-prezz tas-suq għal appartamenti simili fl-istess żoni.
Dawn l-appartamenti se jkunu disponibbli għal individwi u koppji li għandhom dħul minn baxx sa medju. Persuni interessati huma mistedna jirreġistraw l-interess u biex jibqgħu aġġornati fuq is-sit www.affordablehousing.mt.
Il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli hija frott ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-għan tagħha huwa li b’mod sostenibbli toffri soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni adekwati u affordabbli lil persuni li għandhom dħul minn baxx sa medju.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv Jake Azzopardi, temm jgħid li, “dan huwa pass ieħor biex il-Fondazzjoni tilħaq l-għan tagħha, jiġifieri li jkunu disponibbli aktar appartamenti bi prezzijiet affordabbli”.